Żieda ta’ 16% fil-profitt tal-MIA

Il-profitt nett totali tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta żdied minn €12.46 miljun għall-ammont rekord ta’ €14.47 miljun, li jfisser żieda ta’ 16.1% fuq is-sena ta’ qabel.
 
Id-dħul tal-kumpanija żdied €6 miljun minn €52.8 miljun għal €58.8 miljun. Il-kumpanija rat żieda ta’ 10.5% fin-numru ta’ passiġġieri, li jfisser żieda ta’ €3 miljun minn €38.3 miljun għal €41.3 miljun fi dħul mis-Segment tal-Avjazzjoni. Id-dħul mis-Segment tar-Retail & Property żdied ukoll bi €3 miljun oħra minn €14.1 miljun għal €17.1 miljun. Dan kien kemm minħabba żieda fil-bejgħ ta’ ikel u xorb lil numru akbar ta’ passiġġieri meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, kif ukoll minħabba l-introduzzjoni ta’ dħul ġdid mir-renta ta’ SkyParks Business Centre.
 
Dawn ir-riżultati tal-kumpanija kienu dovuti għal żieda mhux mistennija fil-volum ta’ passiġġieri fl-2013. Ir-riżultati finanzjarji tal-kumpanija kienu ogħla peress li nżamm kontroll strett fuq l-ispejjeż tal-Kumpanija kollha matul is-sena, b’attenzjoni speċjali għal spejjeż li jikkonċernaw l-operat.
 
L-ispejjeż operattivi tal-kumpanija kollha kienu akbar minn dawk tal-2012 b’7.9%, minn €18.9 miljun ghal €20.4 miljun. Din iż-żieda kienet dovuta minħabba żieda ta’ €0.5 miljun fl-ispejjeż tal-marketing, li żdiedu minn €2.8 miljun għal €3.3 miljun u żieda fir renta ta’ ħlasijiet tal-art b’€0.7 miljun. Kien hemm ukoll żieda marġinali fi spejjeż oħra tal-operat bħal spejjeż tal-impjegati, spejjeż ta’ dawl u ilma kif ukoll it-tariffi tal-persuni b'mobbiltà ridotta.