​Żieda ta’ 15% fl-għadd ta’ exclusions mill-iskejjel

Studenti fi skejjel Maltin diġà kienu esklużi milli jattendu l-iskola għal 341 ġurnata fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena skolastika, żieda ta’ 15% fuq l-għadd ta’ studenti  esklużi fis-sena skolastika 2014-2015.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-informazzjoni mitluba mid-Deputat Laburista Etienne Grech.
Bartolo qal li f’din is-sena skolastika kien hemm 277 student excluded minn skejjel tal-istat u 64 student fi skejjel oħra. Sentejn ilu, l-għadd ta’ studenti exlcuded kien ta’ 241 u 46 rispettivament.
Huwa spjega li n-numru ta’ ġranet ta’ exclusion ivarja minn jum wieħed skolastiku ta’ student wieħed fi skola waħda għal 137 jum ta’ tkeċċija akkumulati mferrxa fuq numru ta’ studenti fi skola waħda.
Fost ir-raġunijiet li għalihom studenti ġew excluded, b’mod ġenerali, kien hemm minħabba ġlied, bullying, kliem dispreġġjattiv, ħażin jew oxxen, nuqqas ta’ rispett lejn l-iskola, ksur tar-regolamenti tal-iskola, ksur tar-regoli ta’ dixxiplina, tħarbit ta’ lezzjonijiet u tal-programm edukattiv tagħhom u ta’ sħabhom l-istudenti, użu mhux proprju ta’ apparat ta’ sigurtà u mġiba ħażina u/jew agressiva.