Żieda qawwija ta’ pazjenti fl-Emerġenza fl-aħħar jiem

Fl-aħħar jiem, id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei ra żieda qawwija ta’ pazjenti, b’mod speċjali nhar it-Tnejn u t-Tlieta matul il-lejl.
Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliemha għall-Ministeru għas-Saħħa. 
Il-kelliemha spjegat li għadu kmieni wisq biex tiġi ddeterminata r-raġuni wara dan l-influss ta’ pazjenti. 
Madanakollu fakkret li din ix-xitwa offriet sfidi kbar, b’mod speċjali fejn jidħlu l-anzjani, li jbatu minn mard kroniku, bħal ażma, dijabete u artrite, li kawża tal-influwenza kellhom bżonn kura mmedjata.
Il-kelliemha rrikonoxxiet ix-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema kollha, fuq kull livell tal-isptar li saħqet li dejjem jaħdmu fl-interess tal-pazjenti.
Għaldaqstant, it-talba tibqa’ dik li l-pubbliku juża s-servizzi tal-emerġenza b’responsabbilità għall-benefiċċju ta’ dawk il-pazjenti li verament għandhom bżonnu.