Żieda qawwija fit-talba għall-gass

Il-prezzijiet tal-gass bil-ingrossa fir-Renju Unit irduppjaw matul il-ġimgħa li għaddiet u issa laħqu l-għola livell fl-aħħar 10 snin. Dan hekk kif kesħa kbira madwar il-pajjiż wasslet għal żieda enormi fid-domanda, u f’punt partikolari anke daħlu d-dubji fuq kemm il-provvista kienet biżżejed.

Skont esperti tas-suq, il-kumpaniji l-kbar ġeneralment ikollhom ftehimiet ta’ hedging għal diversi xhur, u għaldaqstant żidiet temporanji fid-domanda ma jiġux riflessi immedjament fil-prezzijiet. Madankollu, fornituri żgħar, li jirrappreżentaw madwar 20% tas-suq, huma anqas probabbli li jkollhom dawn it-tip ta’ ftehimiet u għalhekk ikollhom jgħollu l-prezzijiet malajr. Waħda fosthom, il-kumpanija Bulb, b’300,000 konsumatur, qalet li se tgħolli t-tariffi b’2.8% minn April.
Tħassib li jista’ jkun hemm problemi ta’ provvista kibru wara li t-terminals tal-gass f’St Fergus, fl-Iskozja, u f’Morecambe żviluppaw ħsarat u kellhom jingħalqu għal xi ħin. Bejniethom, dawn jipprovdu madwar 13-il miljun metru kubu. Skond tagħrif min-National Grid, it-talba għall-gass matul din il-ġimgħa ta’ kesħa kienet ta’ 28% aktar min-normal għal dan l-istaġun.
Il-ħila tar-Renju Unit li tirrispondi għal xokkijiet ta’ domanda fuq medda qasira ta’ żmien soffriet daqqa ta’ ħarta hekk kif is-sena li għaddiet ingħalaq is-sit ta’ ħażna tal-gass ta’ Centrica fil-Baħar tat-Tramuntana. F’Rough kien jinħażen madwar 10% tal-bżonnijiet tal-pajjiż f’termini ta’ gass.
Il-Brażil jirreġistra tkabbir
L-ekonomija tal-Brażil kibret għall-ewwel darba fi tliet snin fl-2017, bis-settur agrikolu jkun fuq quddiem li jixpruna lill-pajjiż li qed jikupra minn waħda mill-agħar riċessjonijiet fl-istorja. Il-Prodott Domestiku Gross Brażiljan kiber b’1% s-sena li għaddiet, ċifra pożittiva wara li l-ekonomija ċkienet b’aktar minn 3% fis-sentejn ta’ qabel. Barra minn hekk, tul is-sena li għaddiet, il-pajjiż esperjenza rati tal-imgħax baxxi, inflazzjoni baxxa u żieda fil-postijiet tax-xogħol, kollha fatturi li kkontribwew għal żieda fil-komnsum domestiku.

L-akbar ekonomija fl-Amerika Latina kibret f’kull kwart tas-sena, aħbar pożittiva wara li x-xahar li għadda l-pajjiż ippospona riforma importanti fil-qasam tal-pensjonijiet li wasslet għal tnaqqis fil-credit rating tiegħu. It-tnaqqis wasal wara rapport tal-Bank Ċentrali li wera li d-defiċit baġitarju Brażiljan issa jlaħħaq is-7.8% tal-GDP. Hekk kif il-pajjiż riesaq lejn elezzjoni ġenerali f’Ottubru li ġej, bir-riżultat jidher li se jibqa’ inċert sal-aħħar, ir-reviżjoni tas-sistema ferm ġeneruża tal-pensjonijiet jidher li se taqa’ f’idejn il-President li jmiss. Hu stmat li l-pensjonijiet biss jiswew mat-12% tal-GDP tal-pajjiż.
Diversi ekonomisti qed jinsistu li biex il-Brażil ikompli fit-triq tat-tkabbir, il-Gvern irid iwettaq proċess ambizzjuż ta’ privatizzazzjoni, tnaqqis ta’ regolamentazzjoni u tnaqqis tad-defiċit, iżda fil-klima elettorali preżenti, ma jidhirx li l-kandidati huma wisq intenzjonati li jikkommettu ruħhom għal dan.
Madankollu, mil-lat pożittiv, l-OECD qed tistma li l-ekonomija Brażiljana se tikbar b’aktar minn 2% din is-sena u s-sena d-dieħla, minkejja li dan huwa ftit anqas mill-previżjonijiet ta’ 3% tal-Gvern tal-pajjiż.
ExxonMobil mhix se taħdem mar-Russi
Il-kumpanija multinazzjonali tal-enerġija ExxonMobil se tabbanduna parti kbira mill-inizjattivi konġunti mal-kumpanija taż-żejt tal-Istat Russa Rosfneft, inkluż minn proġetti importanti fil-Baħar Artiku u fil-Baħar l-Iswed. Dawn il-proġetti kienu meqjusa bħala prospetti importanti għat-tkabbir iżda s-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti wasslu biex il-kollaborazzjoni fuq dawn il-proġetti jiġu abbandunati.

Exxon kienet mistennija tibda x-xogħol esploratorju ta’ tfittix għaż-żejt bejn is-snin 2020 u 2023 iżda d-deċiżjoni li ttieħdet hija turija li l-kumpanija ma kinitx f’pożizzjoni li tilħaq dawn id-dati. Hu mifhum li d-deċiżjoni tal-kumpanija Amerikana li tirtira minn dawn il-proġetti se jiswewha mal-200 miljun dollaru wara t-taxxa, barra telf possibbli ta’ kważi biljun dollaru minn profitti la darba dal-proġetti kienu jidħlu fis-seħħ.
Din id-deċiżjoni ġġib fi tmiemha ftehim ta’ kollaborazzjoni li kien kontinwament iddominat minn diffikultajiet wara l-iffirmar fl-2011, b’mod partikolari wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u l-annessjoni tal-Krimea.  Il-ftehim, li kien iffirmat wara li falla ftehim simili bejn Rosnet u BP kien meqjus bħala kisba strateġika għal Kap Eżekuttiv ta’ Exxon, Rex Tillerson, li llum huwa s-Segretarju tal-Istat Amerikan.
Is-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fuq l-industrija taż-żejt Russa laqtu b’mod speċifiku ż-żoni fejn kienet fi ħsiebha topera Exxon, inkluż l-Artiku.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.