Żieda qawwija fil-permessi għax-xogħol lill-barranin

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta ħarġet aktar permessi għax-xogħol lill-barranin f’Ġunju milli fl-ewwel ħames xhur tas-sena. Huwa qal dan waqt li indirizza lill-membri tal-Kamra tal-Kummerċ fi djalogu li sar fil-Belt Valletta.

Dwar il-ħaddiema barranin f’Malta, il-Prim Ministru qal li bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena nħarġu 3,000 permessi għax-xogħol filwaqt li f’Ġunju biss ħarġu 3,000. Kompla jgħid li dan ifisser 350% titjib fl-effiċjenza tal-ħruġ ta’ permessi għax-xogħol lill-barranin.

Il-Prim Ministru spjega li dan seħħ wara li s-sistema ġiet riveduta fuq talba tiegħu lill-Pulizija, lill-Identity Malta u lill-awtoritajiet kompetenti.

F’sessjoni ta’ mistoqsija u risposta mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru wissa’ li t-tnaqqis tal-burokrazija fil-ħruġ ta’ permessi tax-xogħol lill-barranin ma jistax iseħħ askapitu ta’ inqas sigurta.

Il-Prim Ministru qal li waħda mill-inizjattivi li saru kienet li l-applikazzjoni għax-xogħol saret onlajn għal dawk li jkunu għadhom ma ġewx f’Malta.

Il-fliexken tal-plastik diskussi fil-laqgħa

Fil-kummenti tiegħu, il-President tal-Kamra Frank V. Farrugia semma l-iskema ta’ riċiklaġġ tal-fliexken tal-plastik.

Filwaqt li l-Kamra taqbel mal-kunċett għat-tisħiħ tal-ambjent, Farrugia qal li ma’ jaqblux ma’ kif se titħaddem is-sistema. Qal li l-Gvern għandu jillimita l-irwol tiegħu bħala regolatur filwaqt li l-kumpaniji għandhom imexxu l-iskema.

Dwar dan il-Prim Ministru qal li l-Gvern huwa lest li jiddiskuti d-dettalji ta’ kif se titħaddem is-sistema.

“Ekonomija b’saħħitha” il-Prim Minsitru

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru kompla jsemmi r-riżultati ekonomiċi ta’ Malta. Semma t-tkabbir fl-ekonomija u d-diversi industiji li skont il-Prim Ministru, Gvern Laburista ħadem biex ikompli jsaħħaħ.

Fosthom, il-Prim Ministru semma l-investiment mill-kumpanija Crane Currency li fetħet l-operat tagħha f’Malta matul l-aħħar sena.

Dwar is-settur tas-saħħa, il-Prim Ministru qal li Malta saret rinnomata għas-servizzi li toffri fil-qasam tas-saħħa. Faħħar ukoll it-tnedija tal-Istitut għal-logħob diġitali f’Malta.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ għall-ħidma proattiva li qed toffri.