Żieda fl-ispejjeż tal-biċċerija minħabba l-coronavirus

Kien hemm żieda fl-ispejjeż tal-biċċerija minħabba d-direttivi li ħarġu fil-pajjiż b’rabta mal-coronavirus. Dan qalu l-Ministru għall-Agrikultura Anton Refalo fil-Parlament.

Refalo kien qed iwieġeb mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Edwin Vassallo li staqsa kemm kienet iż-żieda fl-ispiża tal-biċċerija li ġiet introdotta fl-aħħar żmien b’rabta mal-preparamenti tal-laħam taċ-ċanga fl-istess biċċerija. Hu staqsa wkoll għar-raġuni wara din iż-żieda.

Fit-tweġiba tiegħu, Refalo spjega li minħaba l-imxija tal-COVID-19, fil-Biċċerija Pubblika kellhom jittieħdu miżuri stretti biex is-servizz tal-qatla lir-raħħala jibqa’ jingħata. Qal li riedu jassiguraw ukoll li jkun hemm distribuzzjoni tal-laħam lokali taċ-ċanga lill-konsumatur.

Hu spjega li fil-prattika eżistenti, il-middlemen u d-distributuri taċ-ċanga kienu jidħlu fis-sala fejn jitqassmu l-karkassi u f’sala oħra fejn isir l-isfaxxar u l-ispulpjar ta’ l-istess karkassi. Il-middlemen u d-distributuri kienu jġibu magħhom diversi lavranti sabiex jgħinuhom. Hawnhekk kien ikun hemm kuntatt dirett ma’ ħaddiema oħra impjegati tal-Biċċerija u kien hemm riskju kbir li xi ħadd minnhom joħroġ pożittiv għall-COVID-19 b’konsegwenza li ħaddiema tal-Biċċerija jintbagħtu fi kwarantina, u b’hekk kien ikollu jieqaf l-operat tal-istess Biċċerija.

Refalo spjega li kien hemm bżonn tidħol fis-seħħ miżura li tissalvagwarda l-Biċċerija Pubblika. B’hekk ġie deċiż li terzi persuni ma jitħallewx jidħlu fis-swali tal-Biċċerija. Saru laqgħat mal-middlemen u d-distributuri fejn ġie spjegat lilhom il-proċess ta’ kif kienet se titħaddem il-qatla taċ-ċanga u li s-servizz ta’ tqattieh u spulpjar seta’ jingħata mill-ħaddiema tal-Biċċerija stess. 

Qal li għal dan is-servizz, intalab ħlas li jkopri l-ispejjeż tal-pagi tal-ħaddiema tal-biċċerija li qed joffruh, barra l-ħin uffiċjali tagħhom. Hu mbagħad ta’ eżempju tal-ispiża bbażata fuq ġimgħa partikolari:

Qatla taċ-ċanga: Total ta’ 64 bhima

  • Tqattieh, spulpjar u tindif mix-xaħam:  7 karkassi bit- €30-il waħda b’total ta’ €210.00
  • Tqattieh u tindif mix-xaħam:  57 karkassi bl-€20-il waħda b’total ta’ €1,140.00

Tqattieh, spulpjar u tindif mix-xaħam: Spiża totali:  €1,350.00

Hu żied jgħid li s-sistema introdotta hija msejsa fuq prattiċi u linji gwida tal-Unjoni Ewropea.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn