Żieda fl-impjiegi fis-settur turistiku

Fl-ewwel disa’ xhur tal-2013, kien reġistrat tkabbir fin-numru ta’ impjiegi full time u part time fis-settur turistiku meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Dan sostnieh il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella li tkellem dwar l-importanza tal-industrija turistika għall-ekonomija Maltija, b’kontribut dirett ta’ 25% tal-Prodott Gross Domestiku.
Qal li ċifri uffiċjali jikkonfermaw li bejn l-2008 u l-2012 is-settur sofra minn tnaqqis iżda matul l-2013, it-turiżmu esperjenza żieda fl-impjiegi.
Il-Ministru Vella semma kif bejn Jannar u Settembru 2013, l-impjiegi full time żdiedu bi kważi 130 filwaqt li dawk part time żdiedu b’aktar minn 400.
Dwar l-andament turistiku, il-Ministru għat-Turiżmu spjega kif matul l-2013 it-turiżmu kompla jikber u jissaħħaħ, b’żieda ta’ 10% li ssarfu f’ċifra rekord ta’ 1.6 miljun turist, żieda ta’ 9% fl-ammont ta’ ljieli u 9% oħra f’dik li hija nefqa li tammonta għal €1.4 biljun. 
Fl-istess ħin kibret l-aċċessibbiltà lejn Malta permezz ta’ 83 rotta, fost l-oħrajn fix-xhur tax-xitwa.
Il-Ministru Karmenu Vella fisser kif Malta esperjenzat żieda kull xahar fit-turiżmu fix-xitwa, b’Jannar u Frar jirreġistraw żidied ta’ 7.1% u 9.3% rispettivament.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott