“Żieda fl-illegalitajiet minħabba laxkar fir-regolamenti tal-kaċċa għall-Fenek Selvaġġ” – BirdLife Malta

L-illaxkar tar-regolamenti tal-kaċċa għall-Fenek Selvaġġ se jwassal għal żieda fl-illegalitajiet ambjentali u tal-kaċċa. Dan qalitu BirdLife Malta hekk kif sar magħruf li apparti l-ħames xhur tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa u l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, issa l-kaċċaturi ngħataw tliet xhur oħra addizzjonali.

Ir-regolamenti jkopru għadd ta’ siti minn Natura 2000, filwaqt li qabel il-kaċċa għall-Fenek Selvaġġ kienet permessa biss fuq art privata bil-permess tas-sid tal-art. Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana sostna li s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qed ikompli jagħti kas biss tat-talbiet tal-kaċċaturi biex jillaxkalhom il-liġijiet, imma mbagħad jinjora għalkollox il-pariri tal-Kumitat Ornis biex iwaqqaf Wildlife Crime Unit. Hu kompla billi qal li l-infurzar, issa aktar minn qatt qabel, huwa responsabbiltà u ħtieġa kruċjali biex ikun żgurat li l-liġijiet ambjentali qed jiġu rispettati minn kulħadd.

“L-aħħar emendi tar-regolamenti ma bidlu xejn fid-dati ta’ meta hi permessa din it-tip ta’ kaċċa.” – Kaċċaturi San Ubertu

Kaċċaturi San Ubertu faħħru l-bdil fil-liġi li permess t’hekk tneħħew ristrezzjonijiet li huma sejħulhom “bla-sens” li kienu proponew Birdlife Malta fuq il-kaċċa tal-fenek selvaġġ. L-għaqda kkundannat il-mod ta’ kif kull forma ta’ kaċċa jew regolamenti dwarha jiġu infallibilment ikkritikati minn Birdlife Malta b’miżinformazzjoni u b’mod arroganti lejn il-gvern jew l-awtoritajiet tal-infurzar min għaqda li skont l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu, l-għan aħħari tagħha hu li telimina kull forma ta’ kaċċa minn Malta.