Żieda fir-riskju ta’ abbuż online fuq it-tfal waqt il-pandemija

Il-Kummissarju tat-tfal saħqet li waqt il-pandemija tal-Covid-19 l-adolexxenti qegħdin joqogħdu online aktar minn qatt qabel hekk kif l-attivitajiet barra naqsu, u li dan ifisser iktar riskju ta’ abbuż online.  

Fi stqarrija li tfakkar il-Jum Ewropej iddedikat għall-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Abbuż iċċelebrat fit-18 ta’ Novembru, il-Kummissarju tat-Tfal fissret li din tista’ tkun inkwetanti meta jxerrdu ritratti u videos tagħhom, u li mhumiex addattati fuq il-midja soċjali. Dan il-jum ilu jitfakkar mill-Kunsill Ewropew mill-2015. Il-Jum Ewropew ta’ din is-sena se jkun qiegħed jiffoka biex titnaqqas imġiba riskjuża mit-tfal li jipproduċu ritratti u videos oxxeni.

Il-ġenituri huma mħeġġa li jitkellmu mal-adolexxenti fuq dan is-suġġett. Programmi preventivi huma essenzjali biex ma jispiċċawx vittma. Aktar kmieni din is-sena kien ħareġ leaflet dwar kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom. Dan il-fuljett tista’ ssibu fuq www.tfal.org.mt.

Għall-għajnuna tista’ ċċempel fuq 179. Tista’ tirrapporta wkoll fuq www.childwebalert.gov.mt.