Żieda fil-prezz tal-ħobż Malti

Read in English.

Il-ħobż Malti għandu jogħla fi prezzu mill-bidu ta’ Lulju, qalu l-furnara Maltin. Din iż-żieda fil-prezz ġejja minn 3 raġunijiet ewlenin: id-dqiq, il-fjuwil, u l-pagi.

Il-furnar li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal ukoll li l-ispejjeż fil-manteniment tal-forn ma jonqsux, u inġinier li jinġieb darbtejn f’ġimgħa jżomm €25 fis-siegħa, għalhekk huwa ċar li l-furnar għandu bosta spejjeż ma’ xiex ilaħħaq illum. Il-furnar ikkummenta li s-sitwazzjoni tat-tqassim tal-ħobż lill-ħwienet ma tantx tiggarantilhom qligħ lill-furnara.

Għalhekk, bi qbil bejn madwar 90 minnhom, iddeċidew li mix-xahar id-dieħel il-ħobż Malti għandu jogħla, wara aktar minn 7 snin.

Il-ħobża l-kbira se tinbiegħ b’24ċ aktar, filwaqt li ż-żgħira se togħla b’20ċ.

Il-furnara qalu li aktar ma jmur, id-dqiq aktar qiegħed jogħla, u għandu jogħla biż-€2 għal kull xkora. Barra minn hekk, sostnew li l-fjuwil ukoll qiegħed jogħla. Fl-aħħar xahrejn u nofs, dan għola bl-20ċ għal litru, u minkejja li xogħol il-furnar m’għadux li jiġri fit-triq, xorta waħda juża l-fjuwil kontinwament hu u jqassam il-ħobż lill-ħwienet. Iż-żieda fil-pagi wkoll taffettwa d-dħul u l-ħruġ ta’ flus tal-furnar.