Żieda fil-kont kurrenti ta’ Malta

Malta żiedet is-surplus tagħha fil-kont kurrenti b’€143.3 miljun għal €390.5 miljun bejn Jannar u Marzu minn €247.2 miljun fl-istess perjodu s-sena l-oħra.

Il-kont kurrenti huwa t-total tal-bilanċ tal-kummerċ, valur miżjud nett, u pagamenti.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li l-akbar fattur li wassal għas-surplus kien il-bilanċ pożittiv fil-kont tas-servizzi b’total ta’ €722.8 miljun. Kien hemm titjib fil-bilanċi fis-servizz l-oħra, l-ivjaġġar, u t-trasport.

Il-kont tad-dħul sekondarju rreġistra bilanċ pożittiv ta’ €58.1 miljun. Kien hemm tnaqqis fid-dħul tal-kontijiet tal-prodotti u dħul primarju ta’ €227.8 miljun u €162.6 miljun rispettivament.

Il-kont finanzjarju naqas b’ €166.9 miljun fl-ewwel kwart tal-2018 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.