Żieda fil-ħaddiema tgħin fit-tkabbir ekonomiku – Bank Ċentrali

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li l-impatt taż-żieda fil-provvista tal-ħaddiema mistennija żżomm t-tkabbar il-potenzjali tal-ekonomija f’livell għoli.

Fi stqarrija dwar il-prospetti għall-ekonomija bejn l-2018-2020, il-Bank Ċentrali qal li matul it‑tliet snin li ġejjin, it‑tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa’ b’saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm f’livelli iktar baxxi iżda iktar sostenibbli milli fl‑2017.

Skont il-Bank Ċentrali t‑tkabbir se jibqa’ f’livelli għoljin, sostnut minn fatturi ta’ domanda u provvista. Il-Bank Ċentrali qal li “b’mod partikolari, l‑impatt kontinwu tar‑riformi fl‑enerġija, proġetti ġodda ta’ investiment u żieda fil‑provvista tal‑ħaddiema huma mistennija li jżommu t‑tkabbir potenzjali f’livell għoli.” Id‑domanda domestika, xprunata minn żidiet fil‑konsum u fl‑investiment, hi mistennija li tkun l‑istimolu ewlieni li jsostni l‑espansjoni ekonomika matul it‑tliet snin li ġejjin.

Ir-rata tal‑qgħad għandha tibqa’ baxxa, fil‑livell ta’ 4.3% mill‑2019.

L‑inflazzjoni annwali hi mistennija li titla’ għal 1.9% sal‑2020 minħabba żidiet fil‑pagi domestiċi.

Tista’ taqra l-istqarrija tal-Bank Ċentrali minn hawn: Il-Prospetti għall-Ekonomija