​Żieda fil-ħaddiema imma l-iskart mħux jonqos – PN

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li minkejja li l-Gvern żied il-ħaddiema tal-Wasteserv b'mod qawwi, l-problema tal-iskart qed tikber.
Fi stqarrija il-PN qal li l-istatistika li r-riċiklaġġ tal-iskart f’Malta naqas b'40% matul is-sena 2016 turi nuqqas ta’ rieda u inkompetenza tal-Gvern fil-qasam ambjentali u l-immaniġġjar tal-iskart.
Il-kelliem tal-PN dwar l-Ambjent Jason Azzopardi rrifera għall-istħarriġ li sar mill-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar l-iskart f’Malta. Żied jgħid li minkejja li rdoppjaw il-ħaddiema fl-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant' Antnin, dan xorta ħa n-nar darbtejn.
Il-PN stqarr li l-inkompetenza tal-Gvern tista' twassal biex l-engineered landfills jimtlew aktar malajr milli kif oriġinarjament ippjanat. Qal li minflok ma jintużaw ir-riżorsi kollha, se jsir inċineratur fl-Għallis.
Azzopardi temm jgħid li “qed isir dejjem aktar ċar li dan il-Gvern għadu 'l bogħod ħafna milli jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea” tal-2020.