​Żieda fil-fiduċja f’Delia riżultat tal-ħidma tal-PN li jmexxi – Clyde Puli

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli stqarr li ż-żieda fil-fiduċja fil-Kap tal-PN Adrian Delia hija riżultat tal-ħidma tal-partit taħt it-tmexxija tiegħu.
Puli qal dan fid-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali tal-PN illum.
Puli rrefera għall-istħarriġ tal-gazzetta MaltaToday “li juri żieda ta' 7% fil-fiduċja lejn il-Kap tal-Partit Adrian Delia u żieda wkoll ta' 6% fil-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista.”
Skont is-sondaġġ ta’ MaltaToday il-fiduċja f’Adrian Delia hija ta’ 27.2% filwaqt li dik ta’ Muscat hija ta’ 48.6%. Ir-rating ta’ Delia żdiedet b’seba’ punti mill-aħħar stħarriġ li sar f’Marzu li għadda filwaqt li dik tal-Prim Minstru Joseph Muscat naqset b’erba punti.
L-istħarriġ sar fit-tieni ġimgħa minn meta bdew ħerġin l-istejjer minn The Daphne Project. L-impatt tagħhom fuq Muscat u l-PL kien minimu.
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.
Muscat huwa fdat aktar minn Delia f’Malta kollha, però f’Għawdex Delia jgawdi minn fiduċja fl-livell ta’ 43.8%. Il-perċentwal ta’ Muscat huwa ta’ 34.3%.
Id-distakk bejn il-PL u l-PN huwa ta’ madwar 52,000 vot bil-PL fil-vantaġġ.
Waqt l-istess Kunsill, Dr Delia qal li l-PN se jkun qed idur il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ta’ dawk li jmorru għand il-partit bihom.