Żieda fil-faqar f’Malta fl-aħħar 3 snin – il-Ministru Edward Scicluna

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li fl-aħħar tliet snin żdied il-faqar f’Malta, madanakollu Malta għadha minn ta’ quddiem fost l-ewwel għaxar pajjiżi Ewropej fit-tqassim tal-ġid komuni.

Waqt konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, il-Ministru Scicluna qal li l-baġit tas-sena d-dieħla se jinkludi sensiela ta’ miżuri għall-ħolqien tax-xogħol, bil-għan li jiġu inċentivati dawk qiegħda kif ukoll min iħaddem.

Saħaq li hemm jew m’hemmx fondi tal-Unjoni Ewropea dawn il-miżuri huma essenzjali biex il-pajjiż jara parteċipazzjoni aktar għolja.

Il-Ministru Scicluna qal li l-Gvern qed jaħdem fuq il-ħames rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jwasslu għal titjib fl-ekonomija, u dawn se jiġu riflessi wkoll fil-baġit għas-sena d-dieħla. Dawn huma l-enerġija, il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, il-kwalita’ fil-ħiliet fuq il-post ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-pensjonijiet.

Il-Ministru tal-Finanzi sostna li s-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed iwaqqaf istituzzjoni fiskali indipendenti biex tara l-mudell ekonomiku f’Malta huwiex tenibbli. Żied jgħid li din is-sena se jkun qed jaqdi din il-funzjoni l-Awditur Ġenerali, li se jsib esperti indipendenti u joħorġu rapport dwar l-ispiża tal-baġit u jiġi ppreżentat lill-Unjoni Ewropea.

Irrefera għar-reviżjoni tat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) li lbieraħ qalet li s-sitwazzjoni ekonomika hija aħjar, iżda ma jfissirx li ħriġna mir-riċessjoni.

Spjega kif kif fil-passat, Malta kellha tkabbir ekonomiku li jlaħħaq it-8% li mis-sena 2000 beda niżel għal 1-2%.  Qal li b’rati taħt l-4%, Malta ma tistax tilħaq il-medja tal-istandard tal-għajxien fl-Unjoni Ewropea.

Il-baġit se jinkludi wkoll miżuri oħra dwar l-enerġija, il-qasam soċjali, pensjonijiet, is-saħħa, l-ambjent u Għawdex.