Żidiet qawwija fil-miżati tal-Qorti

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li meta dalgħodu marru l-Qorti sabu li daħlu fis-seħħ żidiet sostanzjali fil-miżati.
Qalu li fil-bini tal-Qorti kien hemm moviment sħiħ minħabba dawn iż-żidiet għaliex ħadd ma ġie avżat lanqas fil-Kamra tal-Avukati jew mal-Prokuraturi Legali.
Jirriżulta li dawn iż-żidiet kienu elenkati f’abbozz ta’ liġi li ġie ppubblikat qabel il-Baġit, liema abbozz għadu jrid jiġi diskuss fil-Parlament.
Fl-abbozz hemm elenkat żidiet wkoll fl-insinwa, għall-ħruġ tal-mandati u r-riċerki.
Il-persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li dawn iż-żidiet fil-Qorti huma sostanzjali, b’ċertu tariffi saħansitra jirduppjaw, b’mod speċjali r-rikorsi u t-talbiet żgħar.
Kien hemm Avukati li meta marru r-reġistru tal-Qorti ma setgħux jirreġistraw il-karti li kellhom għaliex ma kienux ġabru l-ħlasijiet mingħand il-klijenti tagħhom skont it-tariffi l-ġodda.
Ma’ Newsbook.com.mt dawn il-persuni qalu li dawn iż-żidiet daħlu fis-seħħ mingħajr avviż u lanqas ma ġiet ippubblikata stqarrija min-naħa tal-Gvern.