Żidiet fil-prezzijijiet minħabba domanda għolja – MCCAA

Read in English.

Hemm żieda fil-prezzijiet ta’ xi prodotti minħabba d-domanda għolja għalihom, skont l-Awtorità tal-Konsumatur.

Kelliema għall-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qalet lil Newsbook.com.mt li l-MCCAA hija konxja li l-konsumaturi qed jiltaqgħu ma’ żidiet fil-prezzijiet fis-suq “minħabba li hemm domanda għolja għal ċertu prodotti”.

Il-kelliema qalet li l-MCCAA qed tassisti lill-konsumaturi dwar it-drittijiet tagħhom, partikolarment dwar servizzi li qed jiġu kkanċellati jew affettwati sostanzjalment minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Mill-aħħar ta’ Frar l-MCCAA rrispondiet aktar minn 1,000 mistoqsija.

“L-MCCAA qed tagħmel monitoraġġ kontinwu, biex naraw jekk dan jistax ikun riżultat ta’ ksur tal-ligi tal-Kompetizzjoni. Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dan il-monitoraġġ, sejrin inkunu qegħdin nevalwaw hemmx lok għal miżuri specifiċi fir-rigward tal-prezzijiet,” qalet il-kelliema.

Spjegat ukoll li l-MCCAA żviluppat proċess simplifikat u aċċellerat għad-distributuri u l-importaturi li jixtiequ jqiegħdu s-sanitisers fis-suq. Qed isir proċess simili għall-maskri.

L-MCCAA qalet li qed taħdem ma’ operaturi lokali biex tiffaċilita l-produzzjoni lokali tad-diżinfettant ibbażat fuq l-alkoħol.

L-MCCAA qed tkompli toffri s-servizzi tagħha onlajn u permezz tan-numru 23952000.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn