“Żgur ma kienx jaqbel mal-kiri tal-ġuf u d-donazzjoni anonima tal-bajd u sperma” – dwar Serracino Inglott

Ranier Fsadni, lettur tal-Antropoloġija fl-Università ta’ Malta u qarib tar-Rev Prof Peter Serracino Inglott, sostna li kieku Fr Peter Serracino Inglott kien għadu ħaj, mhux biss ma kienx japprova l-emendi għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun li qed jagħmel il-Gvern iżda kien ikun imbeżża’ minnhom.
Dan qalu f’intervista ma’ Fr Joe Borg waqt Newsline fuq RTK 103FMli talbu jgħid jekk hux korrett, dak li qed jgħidu kelliema tal-Gvern li Serracino Inglott jkun favur l-emendi li qed jipproponi il-Gvern.
Huwa qal li hemm diversi aspetti li Fr Peter kien ikun xettiku dwarhom fosthom il-kiri tal-ġuf u d-donazzjoni anonima tal-bajd u l-isperma. Huwa mill-banda l-oħra ma kienx kontra l-iffriżar tal-embrijuni, ħlief meta jsir b’mod li jinġabru ħafna embriju iffriżati u mbagħad jinqatlu.
Fsadni sostna li Serracino Inglott kien favur ħafna li jippreserva d-drittijiet tat-tfal fejn tidħol l-identità tal-ġenituri tagħhom, ħaġa li dawn l-emendi ma jagħmlux.
“Emenda li se ċċaħħad lit-trabi u lill-ġenituri”
Fsadni saħaq li Serracino Inglott kien jemmen ukoll li daqskemm it-tfal għandhom dritt ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom, il-ġenituri għandhom id-dritt ikunu jafu min huma t-tfal tagħhom.
Spjega li l-emenda dwar l-iffriżar tal-embrijuni, li tgħid li l-embrijuni ffriżati li ma jintużawx mill-koppja jridu jingħataw għall-addozzjoni, se ċċaħħad lit-trabi li kapaċi jitwieldu, milli jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom, filwaqt li ċċaħħad ukoll lill-ġenituri milli jkunu jafu fejn qegħdin uliedhom.
Spjega kif fl-2011, Serracino Inglott kien qal li ma jaqbilx li jkunu ffriżati bl-addoċċ l-embrijuni żejda. Ikkwotah jgħid ukoll li jekk l-embrijuni jkunu ffriżati bi skop ulterjuri u li jista’ jwassal biex jinqatlu, hemmhekk hemm każ totalment differenti u intollerabbli.
“Kien ikun kontra li l-IVF tintuża minn persuni single”
Serracino Inglott kien favur li l-IVF issir biss minn koppji miżżewġin, Fsadni spjega li allura jaħseb li Serracino Inglott ma kienx jaqbel li persuni singoli jużaw l-IVF.
Huwa qal dak bi tweġiba għall-kumment tal-preżentatur illi l-emendi proposti mill-Gvern jippermettu li ġuvni jixtri sperma mingħand xi raġel, bajd mingħand xi mara, jikri ġuf u jkollu tarbija.
Fsadni sostna li t-twemmin ta’ Serracino Inglott kien dejjem dak li t-tfal għandu jkollhom żewġ ġenituri, ħlief f’każi barra n-norma u sfortunati, meta għal xi raġuni xi wieħed mill-ġenituri jitlef ħajtu, jew tiġrilhom xi ħaġa straordinarja.
“Qatt ma kien ikun favur il-kiri tal-ġuf”
Fsadni spjega wkoll kif Serracino Inglott żgur ma kienx jaqbel mal-kiri tal-ġuf. Dan minħabba li jista’ jkollok persuna li tkun trid tgħin b’ħeġġa kbira, iżda mbagħad meta jibda l-proċess tat-tqala l-ħsieb u l-emozzjonijiet jinbidlu.
Sostna li pajjiżi li qabel kienu favur il-kiri tal-ġuf, issa qed jerġgħu jaħsbuha, propju minħabba l-problemi li jistgħu jinħolqu, hekk kif jinsisti wkoll li l-kiri tal-ġuf joħloq żewġ tipi ta’ ommijiet.