Żgur li mhux se niġu kif konna fil-Milied li għadda – Prof. Gauci

Miguela Xuereb

Iż-żmien li ġej, anke jekk jibdew jiġu llaxkati ċerti miżuri b’rabta mal-coronavirus, mhux se jkun żmien normali u se jkun differenti minn kif il-poplu kien iġib ruħu fi żmien il-Milied li għadda. Dan qalitu s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, hi u twieġeb id-diversi mistoqsijiet tal-ġurnalisti llum.

Prof. Gauci qalet li r-riċerka dwar it-tilqima għadha għaddejja. Qalet li biex il-pubbliku jkun jista’ jmur lura għan-normal, irid jiġi assigurat li m’hemm l-ebda riskju u dan ifisser li tkun ħarġet tilqima li ssaħħaħ l-immunità tal-poplu kontra l-virus.

Mistoqsija dwar idea ta’ meta l-pajjiż jista’ jerġa’ lura għan-normal, Prof. Gauci qalet li jiddependi fuq kemm ir-riżultati tal-vaċċin li qed jiġi ttestjat minħabba l-coronavirus ikun qed jaħdem. Qalet li kemm Malta u anke pajjiżi oħrajn irnexxielhom iżommu l-virus lura milli jinfirex b’mod rapidu u ttieħdu miżuri li jnaqqsu ċ-ċans li l-mikrobu jimxi u jinfetta minn persuna għall-oħra.

Qalet li sakemm il-virus jibqa’ realtà, mela l-miżuri tad-distanza soċjali u l-protezzjoni ta’ persuni li huma vulnerabbli hemm bżonn jibqgħu fis-seħħ. Qalet li dawn huma l-bażi ta’ kollox. Intant irringrazzjat lill-publiku, b’mod speċjali dawk li l-aktar qed jikkoperaw u jobdu mill-pariri tas-saħħa pubblika.

Hi spjegat li bħalissa qed issir ħidma fuq dik li sejħitilha it-transition strategy, dan jiġifieri l-perjodu fejn jibdew jiġu llaxkati l-miżuri sakemm joħroġ il-vaċċin effettiv.

Newsbook.com.mt staqsa x’se jiġri f’każ li l-vaċċin ma jiġix żviluppat qabel ma jerġgħu jinfetħu l-iskejjel f’Settembru li ġej. Prof. Gauci qalet li kontinwament qed issir evalwazzjoni tal-miżuri li qed jittieħdu u l-impatt li jista’ jkun hemm fuq is-soċjetà jekk dawn jiġu elevate. Qalet li bl-istess mod qed iħarsu lejn l-iskejjel. Spjegat li f’pajjiżi oħrajn fejn ittieħdet id-deċiżjoni li t-tfal jerġgħu jmorru lura l-iskola qed jiġu prattikati prekawzjonijiet tad-distanzjar soċjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn