Żgur li l-PL m’għandux isem tajjeb wisq xi jħammeġ – Felice Pace

Luke Zerafa

Minn Salvu Felice Pace

L-aħħar blogg ta’ Desmond Zammit Marmara kien meqjus u kellu messaġġ bżonjuż għal kull partit politiku. Il-ħbiberija żejda bejn in-nies ta’ kull xorta ta’ negozju ddaħħal lill-politiċi fl-inkwiet. S’hawn sewwa, iżda fl-aħħar tal-artiklu l-kittieb tani x’nifhem li jrid ibiddel l-istorja tal-Partit Laburista u allura dik ta’ Malta.

Għamel appell biex ħadd ma jitħalla jħassar “l-isem tajjeb tal-Partit Labrista”. X’isem tajjeb? Il-perjodi diversi meta l-PL ħalla l-vjolenza tintuża bħala għodda politika fis-snin 50 u fis-snin 70 u 80 tas-seklu l-ieħor ma naħsibx li kkontribwew wisq lejn dan l-isem tajjeb. U l-korruzzjoni istituzzjonalizzata li kienet ħakmet il-gvernijiet ta’ Duminku Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici partikolarment fil-qasam tal-artijiet u l-permessi għall-bini ħadd ma jista’ jinsihom. Punt ieħor, għal dawk il-gvernijiet il-qrati ma kinux jintużaw għal dawk li kisru, ħarqu jew qatlu – dawk kienu protetti. U dawk iż-żminijiet li kienu ħallew isem ikrah fuq il-PL tant kienu ħorox, li meta Joseph Muscat kien sar Kap tal-Partit, waħda mill-ewwel stqarrijiet li kien għamel kienet b’verdett ta’ kundanna għax tassew ma kinux denji għall-gvernijiet soċjalisti.

Il-Kapijiet tal-Partit Laburista minn dejjem kellhom poteri kbar fil-partit. Il-kult tal-kap kienet parti importanti u għalhekk kien hemm abbużi. Anke meta l-partit kien għażel lil Alfred Sant, għalkemm l-affarijiet kienu nbidlu, xorta waħda mill-Oppożizzjoni, Sant kien ħa d-deċiżjoni li jneħħi l-VAT mingħajr ma kien ikkonsulta ma’ Lino Spiteri li kien ix-shadow minister għall-finanzi. Niftakar lil Lino jikteb li kien qed jiekol San Ġiljan u xi ħadd qallu dak li kien għadu kemm tħabbar fuq il-midja. Kien mument meta Lino kien ħasibha jekk kienx se jkompli fil-politika jew le.

Din il-problema ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni hija s-sustanza ta’ dak li qed nisimgħu kważi ta’ kuljum, kif Joseph Muscat kien ippoża jew gideb meta kien kap tal-oppożizzjoni dwar it-trasparenza taħt it-tmexxija tiegħu. Għax fl-inkjesta minn tliet imħallfin dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qed nisimgħu kif deċiżjonijiet kruċjali għall-futur ta’ pajjiżna kienu jittieħdu fil-magħluq bil-parteċipazzjoni biss ta’ persuni magħżula apposta. Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna xehed li Muscat kellu kitchen cabinet u hu kien jitħalla barra għal kollox u kien hemm biex jiffirma ċ-ċekkijiet biss.

Mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne:
Jien ma kontx parti mill-‘kitchen cabinet’ ta’ Muscat – Scicluna

Mhux hekk biss imma f’xhieda oħra tal-Ministru Michael Farrugia ntqal li Muscat kien kellem lil ministri dwar il-Panama Papers individwalment u mhux b’mod kollettiv biex b’hekk iżomm ċertu affarijiet minn barra l-kabinett. Dik kienet strateġija makakka ta’ Muscat biex jgħaddi l-informazzjoni kollha li kien ġabar li dawk ta’ madwaru biss u naturalment ikunu jafu minn min kellhom joqogħdu attenti. Minn naħa l-oħra kellna xhieda mid-Deputat Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Louis Grech li hu ma kienx jaf b’kitchen cabinet u li hu ma kienx ikkonsultat dwar proġetti b’investimenti kbar. Fil-kabinett kollox kien jiġi ppreżentat b’mod li jkun hemm l-anqas inkwiet għax il-Kap kien ħaseb fuq li ħaseb, tkellem u daqshekk. Kulħadd jivvota favur anke jekk wara kif qalu Evarist Bartolo u oħrajn donnhom iddispjaċihom li kienu bla sinsla. Muscat injora lil kulħadd barra lil dawk il-magħżulin taħt id-direzzjoni omnipotenti ta’ Keith Schembri.

Kellna episodju ieħor. Louis Grech ta l-impressjoni li hu ma kellux x’jaqsam wisq ma’ Konrad Mizzi u ma’ dak li qed jiġi allegat li għamel kull fejn kien imdeffes bil-barka ta’ Joseph Muscat. Iżda llum f’dinja medjatika teknoloġika tista’ tfittex fl-arkivji u ssib ‘live’ dak li kien seħħ snin ilu. U hekk għamel Manuel Delia fil-blogg tiegħu. Louis Grech kien kważi anqas għadu kkalma mill-esperjenza qarsa li kellu quddiem l-Inkjesta dwar Ddaphne, meta Delia ttrażmetta d-diskors ta’ Konrad Mizzi meta kien inqabad b’kontijiet sigrieti fil-Panama u kien qal lid-delegati f’konferenza fil-preżenza ta’ Joseph Muscat u Louis Grech li dawk kienu s-sounding boards tiegħu b’diskussjonijiet ta’ kuljum dwar dak li kien għamel.

X’taqbad temmen? Żgur li l-Partit Laburista m’għandux isem tajjeb wisq xi tħammeġ, jikteb x’jikteb Desmond Zammit Marmarà. Min jipprova jirrevedi l-istorja jrid joqgħod attent mill-memorja kollettiva tal-poplu.