“Żgiċċa s-sanzjonijiet”; “Qalbu pura” – jibda l-ġuri ta’ sid il-Bank Pilatus

Read in English.

Il-Gvern Amerikan akkuża lis-sid ta’ Pilatus Bank li żgiċċa sanzjonijiet filwaqt li l-avukat tiegħu qal li għandu qalb pura. Dawn l-affarijiet intqalu fil-bidu tal-ġuri ta’ Ali Sadr Hashemi Nejad fil-Qorti fl-Istati Uniti.

Il-ġurnalist Matthew Russell Lee minn Inner City Press li qed isegwi l-każ ta’ Sadr irrapporta li wara li l-membri tal-ġuri ntgħażlu fit-2 ta’ Marzu, l-argumenti tal-ftuħ instemgħu lbieraħ.   

Ali Sadr qed jiġi akkużat b’ħasil tal-flus u l-ksur ta’ sanzjonijiet tal-Istati Uniti inkluż permezz ta’ proġett infrastrutturali fil-Venezwela.

Il-Gvern Amerikan qal li se juri kif Ali Sadr intenzjonalment evada sanzjonijiet. L-avukat ta’ Sadr iddeskriva lill-klijent tiegħu bħala persuna b’qalb pura li ried biss jgħin lil missieru.

Xhud ġie mistoqsi għadd ta’ mistoqsijiet mill-Assistant US Attorney (AUSA) Michael Krause dwar il-proġett tal-Venezwela.

F’Novembru, l-avukat ta’ Sadr argumenta kontra s-sekwestru tal-imejls tal-klijent tiegħu. Qal li jkun wisq wiesgħa li wieħed ifittex għall-imejls dwar ħasil ta’ flus. Insista li l-proġett ta’ Sadr fil-Venezwela kien biss dwar negozju u li l-Gvern kellu jkun qed iħares lejn l-vjaġġi tiegħu lejn l-Iran.

Il-Gvern ingħata ġimagħtejn ċans biex iqalleb fl-420 PDF tiegħu. Id-difiża ngħatat l-istess żmien biex tagħżel madwar seba’ minnhom li taħseb li huma eżepmji tal-agħar forma ta’ indħil żejjed.

L-avukat ta’ Sadr talab għat-tneħħija tal-brazzuletta elettronika tal-klijent tiegħu. L-Imħallef Nathan qalet li ma kienet qed tara l-ebda raġuni għalfejn dan għandu jsir. Il-pożizzjoni tal-Gvern għandha ssir magħrufa f’madwar ġimgħa dwar jekk jaqbilx jew le.

“Huwa tajjeb li wieħed ikollu l-flus, fl-essenza. Dan mhuwiex kif issoltu jiġu ttrattati akkużati li għandhom inqas flus fid-Distrett tan-Nofsinhar ta’ New York,” kiteb il-ġurnalist Matthew Russell Lee.

Prosekuturi fl-Istati Uniti qed jakkużaw kollega ta’ sid Pilatus Bank li kellu sehem fit-trasferiment ta’ aktar minn €100 miljun b’mod illeċitu, skont rapport. Qed jiġi akkużat ukoll li gideb mal-FBI. Skont is-sit Kharon Brief, prosekuturi federali akkużaw raġel Iranjan li jgħix il-Kanada bi frodi bankarja u li għamel stqarrijiet foloz b’rabta mal-allegat irwol tiegħu fi skema biex imexxi 115 miljun dollaru Amerikan mis-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti minħabba proġett tal-akkomodazzjoni fil-Venezwela.

F’Settembru l-eks Ċerpersin ta’ Pilatus Bank Ali Sadr Hashemi Nejad talab biex ikun jista’ jibqa’ barra sa nofsilejl kif ukoll biex jitneħħielu l-GPS minn saqajh peress li l-Qorti kienet ordnat li għandu jibqa’ jiġi mmonitorjat b’mod elettroniku. L-Imħallef Alison J. Nathan, li qed tippresedi l-każ, qalet li ma ssib l-ebda raġuni għalfejn taċċetta dawn it-talbiet.