Żagħżugħ Għawdxi aċċettat fi skola tal-mużika prestiġġjuża fl-Amerka

Il-Kantant Għawdxi, Charles Buttigieg għadu kemm ġie ammess fil-Curtis Institute fl-Istati Uniti wara audition li għamel fl-aħħar ġimgħat sabiex ikompli jħejji l-vuċi tiegħu fl-isfera tal-mużika klassika.
Charles Buttigieg li għandu 18-il sena u joqgħod Għajnsielem, huwa baritonu.
Huwa ngħata dan iċ-ċans uniku sabiex jiġi mħejji minn skola li pproduċiet wħud mill-akbar talenti madwar id-dinja, inkluż Leonard Bernstein, wieħed mil-akbar kompożiuri li rat l-Amerka.
Fi stqarrija, Charles qal li jinsab ferm kuntent li qed jingħata din l-opportunità prestiġjuża u sostna li kien ilu jaħdem għal dan il-mument għal tul ta’ żmien.
Il-kantant qed jiġi ssapportjat mill-BOV Joseph Calleja Foundation, il-fundazzjoni tat-tenur Malti ta’ fama internazzjonali, li tissielet sabiex żgħażagħ bħal Charles jingħataw opportunitajiet li jitħarrġu b’mod sħiħ fid-dinja tal-mużika.
Joseph Calleja sostna li Charles għandu talent rari li se jkompli jikber f’istituzzjoni ta’ dan it-tip. Spjega kif karriera ta’ kantant professjonali tal-istil opera mhix waħda faċli, iżda jinsab ċert li se jkompli jikber u jibrilla.
Calleja faħħar ukoll lill-għalliema tal-vuċi ta’ Charles, Juliette Bisazza li sostna li ppreparatu b’mod eċċellenti għal din il-prova.
Ritratt: Daniel Studios