Żgħażagħ ta’ taħt l-24 jaqilgħu medja ta’ €10,878

Matul l-2016, il-medja tas-salarju annwali tal-ħaddiema bejn l-etajiet ta’ 15 u l-24 sena kienet dik ta’ €10,878. Iċ-ċifra kienet 30% inqas mis-salarju annwali ta’ ħaddiema li għandhom bejn il-25 u l-34 sena.
Madanakollu, l-istatistiċi li nħarġu mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) wrew ukoll li 79.9% ta’ dawn l-istess żgħażagħ ma kkunsidrawx li jfittxu xogħol pajjiż ieħor, la ġo l-Unjoni Ewropea u lanqas barra.
Wieħed minn kull erba’ rġiel u kważi waħda minn kull tlett nisa li għandhom bejn il-25 u l-34 sena, ġabu xi tip ta’ edukazzjoni terzjarja.  L-istatistiċi juru wkoll li l-maġġoranza tan-nies li jaqgħu f’din il-kategorija bdew jaħdmu bħala professjonisti. Dan jinkludi 22.3% tal-irġiel u 27% tan-nisa.
Ħaġa li wieħed jinnota fir-riċerka tal-NSO hija li l-grupp ta’ nies li għandhom bejn il-15 u l-24 sena huma erba’ darbiet inqas attivi minn dawk ta’ bejn l-25 u l-34.
Skont l-istess statistiċi, ir-raġuni ta’ dan huwa l-fatt li 89% taż-żgħażagħ li jaqgħu taħt din il-kategorija huma studenti u għaldaqstant ma jkollhomx biżejjed ħin biex jaħdmu.
Min-naħa l-oħra, 59.3% tan-nies li kellhom bejn il-25 u t-34 sena ma kienux jaħdmu għax kellhom irwoli oħra bħal jieħdu ħsieb il-familja.