Żgħażagħ qattgħu nofstanhar fl-Arkivji Notarili tal-Belt

DOI - Jason Borg

Grupp ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena qattgħu nofstanhar f’esperjenza ta’ xogħol volontarju fl-Arkivji Notarili fil-Belt Valletta.

L-inizjattiva kienet mtella’ mis-Segretarjat għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplfikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi li fi stqarrija qal li dan sar bħala parti mill-kampanja ‘Achievers’ fir-riforma mmirata biex żgħażagħ jinvestu l-ħin liberu tagħhom f’dixxiplini differenti fosthom sports, arti, u kultura u jitbiegħdu mill-vizzji, fosthom drogi.

Iż-żgħażagħ segwew mill-qrib il-ħidma li ssir fl-Arkivji Notarili ta’ Malta li fihom kollezzjoni vasta ta’ dokumenti storiċi.

Intqal li Dr Joan Abela, storiku fi ħdan l-Arkivji Notarili, spjegat il-ħidma f’dawn l-arkivji. Fissret kif bosta voluntiera minn żmien għal żmien jagħtu l-ħin liberu tagħhom f’dan il-post.

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli kienu preżenti.