Żgħażagħ Maltin f’laqgħa mal-Papa Franġisku f’Ruma

ŻAK Papa Zgħazagħ Maltin Laqgħa Papa Ruma
Żgħażagħ mill-Azzjoni Kattolika għal-laqgħa mal-Papa f'Ruma

Mis-7 sat-13 ta’ Awwissu fi Grottaferrata l-Italja, inżamm it-2 appuntament tal-proġett OWLS (Opportunities + Willingness + Learning = Success) iffinanzjat mill-programm tal-Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea. Il-protagonisti ta’ dan il-proġett kienu ż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika ġejjin minn Malta, l-Italja u r-Rumanija, flimkien ma’ żgħażagħ mill-Polonja, l-Albanija, il-Moldova, l-Ukrajna, il-Bulgarija, u Spanja. Kienet okkażjoni prezzjuża ta’ djalogu għas-60 żagħżugħ u żagħżugħa li ltaqgħu sabiex jitħaddtu fuq l-isfidi u s-suċċess tal-esperjenzi tagħhom fl-Azzjoni Kattolika u tal-volontarjat.

Il-grupp ingħaqdu ma’ żgħażagħ Taljani għal-laqgħa mal-Papa li saret fil-11 ta’ Awwissu. Il-pellegrinaġġi, organizzati minn madwar 200 djoċesi, iltaqgħu f’Circo Massimo f”Ruma, madwar 70.000 żagħżugħ jitolbu u jiddjalogaw miegħu f’atmosfera ta’ festa kbira. Din il-festa estendiet f’Notte Bianca fejn, fost ħafna inizjattivi, baqgħu miftuħa l-Knejjes ta’ Ruma sa sbieħ il-jum tal-Ħadd 12 ta’ Awwissu. Il-Ħadd stess kien hemm l-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet b’quddiesa fi Pjazza San Pietru u t-talba tal-Anġelus.

F’dawn il-ġranet aħna kellna l-opportunità li nesperjenzaw fil-prattika l-Knisja Universali. Għexna flimkien, tkellimna flimkien u dħakna flimkien. Qsamna bejnietna d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħidma tagħna maż-żgħażagħ u skoprejna kemm fil-verità hemm sfidi komuni allavolja minn pajjiżi differenti. Rajna kif flimkien nistgħu ngħinu u ninkuraġixxu lil xulxin.

Fuq kollox tkellimna fuq il-missjoni li kull Nisrani għandu biex ikun xhieda tal-fidi, u tal-imħabba t’Alla. Hekk kif qegħdin fil-mixja lejn is-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment, hi ħaġa tassew sabiħa li stajna nesperjenzaw il-laqgħa tal-Papa maż-żgħażagħ tal-Italja. Kienet festa kbira ta’ ferħ, riflessjoni u inkoraġġament. Kliem il-Papa li jistedinna biex noħolmu u nirriskjaw ċertament li laqgħat lil bosta persuni. Issa jeħtieġ li nħallu din l-esperjenza tiggwida l-ħidma tagħna. Irridu ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna u fil-ħolm tagħhom, irridu nħalluhom jiġru b’dik l-urġenza tal-Appostli mal-aħbar tal-qabar il-vojt.

Kif qal il-Papa aħna rridu nħallu l-enerġija u l-entużjażmu żagħżugħ imissilna qalbna. L-Azzjoni Kattolika Maltija f’dan l-aspett se tkompli tinvesti fil-formazzjoni tal-membri tagħha u tistinka sabiex il-messaġġ tal-bxara t-tajba jasal għand iktar nies. Jien ċerta li l-membri taż-ŻAK preżenti għal din l-esperjenza ġew imqanqla dejjem iktar sabiex jiskopru s-sejħa li qed jagħmlilhom Ġesù u jieħdu r-riskju li jimxu warajh. – Marija Cachia – Viċi President tal-AKM

Il-proġett OWLS kienet esperjenza liema bħalha. It-tagħlim li ħadt matul il-ġranet tal-kors kienu ta’ valur. Iżda l-iktar ħaġa li laqtitni kienu il-jumejn li qattajna f’Ruma fejn bdejna b’laqgħa mal-Papa flimkien ma’ mijiet ta’ gruppi u għaqdiet ġejjin mir-reġjuni kollha tal-Italja. Kienet esperjenza partikolari li tara u tisma’ kliem il-Papa iwieġeb mistoqsijiet li jirrelataw mal-familja kif ukoll mal-inġustizzji li jeżistu u għalfejn jeżistu. Ngħid għalija l-aktar ħaġa li ħalliet (u se tkompli tħalli) impatt fuqi kien l-ammont kbir ta’ għaqdiet Kattoliċi li jeżistu madwar l-Italja li tant jagħmlu ġid u qatt ma jinsew li l-missjoni tagħhom tiġi mill-perspettiva li tara l-potenzjal f’kulħadd speċjalment f’dawk l-aktar fil-bżonn, kif wara kollox iridna nagħmlu Alla. Din l-imħabba lejn ir-reliġjon tagħna u x-xogħol kbir li jsir min-naħa ta’ dawn il-gruppi ttini kuraġġ kbir f’dinja fejn qed twarrab ċerti valuri u tagħti iktar importanza lill-affarijiet materjali milli lill-affarijiet li verament iġibu l-kuntentizza fil-qalb, fosthom is-solidarjetà u s-servizz lejn l-oħrajn. – Karl Grech – ŻAK Mosta

Dan il-proġett tani l-opportunità biex flimkien ma’ membri oħra mill-Azzjoni Kattolika, tlajna Ruma u ltqajna ma’ żgħażagħ oħra ġejjin minn pajjiżi differenti. Waqt dawn il-jiem kellna bosta workshops fejn esplorajna l-importanza tal-volontarjat minn oqsma differenti. Stajna nirriflettu dwar il-benefiċċji u s-sagrifiċċji li persuna trid tagħmel biex tkun ta’ servizz għal ħaddiehor. Kellna bosta mumenti fejn qsamna l-istorja tagħna fl-Azzjoni Kattolika, b’mod partikolari l-irwoli li għandna fl-organizzazzjonijiet tagħna. Mument li mhux ser ninsa huwa bla dubju il-laqgħa mal-Papa. Kienet esperjenza unika għaliex kellna ċ-ċans nisimgħu l-messaġġ li l-Papa ried iwassal lilna ż-żgħażagħ. Tana l-kuraġġ sabiex nibqgħu naħdmu u ma naqtgħux qalbna iżda nkomplu noħolmu u nieħdu riskju b’mod għaqli. – Iona Gravina – ŻAK Ħal Tarxien

Din l-esperjenza ħalliet impatt pożittiv fuqi. Kelli ċ-ċans nitgħallem aktar fuq il-volontarjat waqt li nisma’ l-esperjenzi ta’ żgħażagħ oħra minn pajjiżi differenti. Fl-aħħar jumejn kellna ċ-ċans naraw lill-Papa Franġisku ġewwa attività f’Circo Massimo u l-Vatikan fejn l-Papa kellimna dwar il-ħolm tagħna biex nieħdu r-riskji, nħobbu, u nkomplu nagħmlu t-tajjeb. Kienet esperjenza mimlija emozzjonijiet, speċjalment meta kelli ċ-ċans naqsamha ma’ eluf ta’ żgħażagħ oħra! Esperjenza li mhu se ninsa qatt!  Leanne Bonello – ŻAK Siġġiewi