“Żgħażagħ li se jivvutaw għall-ewwel darba se jagħmlu d-differenza” – Simon Busuttil

Iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-17-il sena se jagħmlu d-differenza huma wkoll meta se jmorru jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta ltaqa’ ma’ numru ta’ żgħażagħ barra l-Junior College fl-Imsida.
Huwa sostna li hija ħasra li l-istess żgħażagħ li se jivvutaw għall-kunsilli mhux se jitħallew jivvutaw ukoll fir-referendum dwar il-kaċċa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li li kien għall-Prim Ministru, iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-17-il sena ma kienux se jivvutaw għaliex filwaqt li legalment ingħataw il-vot ried li jeħdilhom l-elezzjoni.
Saħaq li kien biss grazzi għall-pressjoni u l-insistenza tal-Oppożizzjoni li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru.
Simon Busuttil awgura lill-kandidati żgħażagħ kollha f’din il-kampanja elettorali u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jesprimu l-opinjoni tagħhom fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Aktar kmieni, il-Partit Nazzjonalista nieda s-sit www.naghmludifferenza.com li jinkludi l-manifest elettorali tal-partit, informazzjoni dwar il-kandidati u l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.