Żgħażagħ kitbu t-test tal-Via Crucis li l-Papa se jagħmel fil-Kolossew

Għall-Via Crucis tradizzjonali li l-Papa jagħmel fil-Kolossew, li se ssir nhar il-Ġimgħa l-Kbira fit-30 ta’ Marzu, il-Papa Franġisku talab lil grupp ta’ żgħażagħ biex jippreparaw il-meditazzjonijiet għall-14- il stazzjon.
Fil-fatt, grupp ta’ 15-il ġuvni u tfajla qed jesploraw temi fosthom dawk tal-ġustizzja, id-djalogu, il-konfrontazzjoni, l-iskandlu tas-salib u oħrajn.
Dan il-grupp ta’ żgħażagħ qed ikun ikkoordinat minn Andrea Monda, kittieb u professur tar-reliġjon. Il-Papa xtaq li jkunu ż-żgħażagħ li jagħmlu dan fid-dawl tas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ li se jsir aktar tard din is-sena.
Il-grupp hu kompost minn studenti universitarji u skejjel għolja li qed jippreparaw ir-riflessjonijiet skont ma jħossu f’qalbhom u mhux jippruvaw jiktbu testi teoloġiċi jew iħossuhom kundizzjonati mill-fatt li dak li se jippreparaw huma jrid jaqrah il-Papa.
Fid-diskussjoni bi tħejjija fil-fatt ħarġu diversi temi ispirati minn dak li jħossu ż-żgħażagħ: is-sens ta’ inġustizzja għall-kundanna ta’ Kristu;  l-iskandlu ta’ dan il-misteru; il-paradoss tas-salib li bil-fidi biss jinftiehem bħala strument ta’ salvazzjoni; u temi oħra.
Il-Professur Monda qal li l-istudenti qanqlu punti ta’ riflessjoni verament interessanti dwar il-waqgħat taħt it-toqol tads-salib;  it-tħabbira ta’ Kristu stess li kien se jqum mill-mewt; il-qawwa ta’ Kristu li ma jħallix il-mewt tirbħu; ir-realtà tal-immigranti riflessa fl-episodju meta Kristu tneżża’ minn ħwejġu għax l-immigranti wkoll jitneżżgħu minn kollox bla ma jitilfu d-dinjità tagħhom; il-misteru tal-mewt ta’ Kristu meta aħna l-mewt nistkerrhuha u rridu nwarrbuha.
Il-messaġġ li joħroġ mill-meditazzjonijiet li kitbu dawn iż-żgħażagħ hu “ix-xewqa li nkunu akkumpanjati f’ħajjitna bla ma nkunu ġudikanti u bla ma ħadd jitħassarna”.
“Iż-żgħażagħ iridu jkunu akkumpanjati minn Kristu li jiltaqgħu miegħu fit-Triq tas-Salib; li jaqa’ u jsofri u li abbandunat u mitluq għal rasu, jifhem sew il-ħajja tal-adoloxxenti u taż-żgħażagħ li jridu jiffaċċjaw id-dinja ħafna drabi bla ma jkollhom punt ta’ riferenza”, enfasizza Andrea Moda.
Il-Via Crucis li ssir fil-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija fil-Kolossew tibda fid-9.15 p.m.