Żgħażagħ kissru twieqi u għamara fi klabb f’Paceville

Fil-qorti dalgħodu tliet żgħażagħ Spanjoli ammettew li għamlu ħsara fi klabb f’Paceville, li tammonta għal madwar €3,000.

Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda, meta t-tliet ġuvintur tkeċċew minn bar f’Paceville, u wara li għalaq, marru lura u kissru t-twieqi, l-għamara li kien hemm barra u oġġetti oħra.

Huma ġew arrestati mill-pulizija dritt wara.

Iż-żgħażagħ kienu akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika.

Huma ġew ordnati jħallsu l-ammont tal-ħsara sa nhar it-Tnejn.

Ftit wara, wieħed minn sħabhom ħallas €1,200 f’isimhom u għalhekk ingħataw ċans ta' jumejn biex iħallsu l-ammont pendenti.

Ingħataw ukoll sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin.

Iż-żgħażagħ għadhom qed jinżammu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.