Żgħażagħ jintbagħtu Monte Karmeli minflok kura f’Mater Dei

Appelli għal sptar ġdid għas-saħħa mentalii

Mount-Carmel
Miguela Xuereb

Għadd ta’ persuni inkluż żgħażagħ qed jintbagħtu l-Isptar Monte Karmeli minflok jingħataw kura psikjatrika f’Mater Dei. Dan minħabba li s-Sala Psikjatrika fl-Isptar Mater Dei ngħalqet minħabba l-bżonn ta’ kmamar għall-pazjenti bil-coronavirus.

Fil-Parlament, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif minħabba l-pandemija, l-isptar kellu jibdel il-pjanijiet tiegħu u beda jintuża kull spazju possibbli għall-ħtiġijiet tal-Covid-19. Fearne żied jgħid li, “fejn ikun hemm bżonn ta’ kura akuta lill-pazjenti b’mard mentali għall-kundizzjonijiet oħra, din qed tingħata fi swali oħra ta’ Mater Dei.” Huwa kien ġie mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus dwar għaliex ingħalqet is-Sala Psikjatrika.

Min-naħa tiegħu, il-Psikjatra Joe Cassar qal lil Newsbook.com.mt, li xi pazjenti qed jinżammu fi swali oħra f’Mater Dei, filwaqt li oħrajn qed jintbagħtu fl-Isptar Monte Karmeli, skont il-każ. Huwa stqarr li xi ħaġa bħal din tkompli tindika kemm hemm bżonn li jkun hemm sptar ieħor għall-pazjenti b’mard mentali.

Huwa fakkar ukoll li t-taqsima tal-psikjatrija fl-Outpatients ilha magħluqa għal xhur sħaħ, minn meta bdiet il-pandemija.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Dr Nigel Camilleri, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri, li qal li lill-pazjenti, minflok jarawhom fl-Isptar Mater Dei, qed jarawhom fiċ-ċentri tas-saħħa, iżda hemm oħrajn li qed jinżammu fi swali mediċi fl-isptar meta dawn ikunu jeħtieġu aktar kura, u oħrajn qed jintbagħtu Monte Karmeli.

Dr Camilleri sostna li l-Isptar Monte Karmeli għandu jingħalaq biex jinbena sptar ġdid bi standards aħjar. Żied jgħid li jeħtieġ li jkun hemm stadju ta’ tranżizzjoni għall-pazjenti, minflok ma dawn jerġgħu lura fil-komunità.

X’taħseb dwar is-sitwazzjoni f’Monte Karmeli?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt