Żgħażagħ jinqabdu fil-pussess ta’ droga waqt kontrolli tat-traffiku mill-Pulizija u l-AFM

Read in English.

Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun bl-assistenza tal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb u mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, ispezzjonaw numru ta’ vetturi waqt kontrolli tat-traffiku.

L-ispezzjonijiet, li bdew fl-10:30 sat-3:00 am bdew fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa. Hemm raġel Sirjan ta’ 20 sena residenti Birżebbuġa nqabad isuq vettura tal-għamla Peugeot Partner mingħajr ċintorin tas-sigurtà, raġel 22 sena resideti Pembroke nqabad isuq vettura tal-għamla Volkswagen Golf b’tinted glass mhux approvat u raġel ta’ 51 sena residenti ż-Żurrieq irriżulta li kien qiegħed isuq vettura tal-għamla Land Rover Freelander taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv.

Il-kontrolli komplew fi Triq l-Ewwel Titjira, Ħal Kirkop, fejn Sirjan ta’ 24 sena residenti Marsakala nqabad isuq vettura tal-għamla BMW  b’tinted glass mhux approvat, mara ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien li kienet passiġġiera f’vettura tal-għamla Opel Astra, kellha fil-pussess tagħha sustanza suspettata droga cannabis.

Fl-istess triq, tfajla ta’ 19-il sena residenti Marsaskala, li kienet passiġġiera f’vettura tal-għamla Volkswagen Golf, kellha fil-pssuess tagħha sustanza suspettata droga cannabis.

Fil-pussess ta’ ġuvni ta’ 17-il sena residenti Ħal Għaxaq, li kien passiġġier f’vettura tal-għamla Suzuki Samurai, instabet sustanza suspettata droga cannabis, oġġetti relatati mad-droga u mus żgħir.

Raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Qormi rriżulta li kien qiegħed isuq vettura tal-għamla Fiat Punto taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv u  f’vettura tal-għamla Volkswagen Golf, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Kirkop, instabu ħames skrataċ.

Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.

Intant matul il-lejl li għadda ukoll, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun , wettqu spezzjonjiet fi stabbilimenti, fil-ġonna pubbliċi, kif ukoll f’diversi toroq.

Waqt rondi fi Triq Belt il-Ħażna u Triq is-Sannat fil-Marsa, ġew innutati vetturi abbandunati. Fuqhom twaħħlilhom notifika sabiex is-sidien tagħhom ineħħuhom minħabba l-periklu li qegħdin joħolqu u li jistgħu jkunu lok ta’ abbużi.

Il-Pulizija tkellmu mas-sidien fejn spjegawlhom li l-vetturi jridu jitneħħew minnufih. Ġew spezzjonati wkoll ħwienet differenti u l-ġonna, fejn kollux instab skont il-liġi.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq ipparkkjar illegali.