Awdjo: Żgħażagħ jieħdu sehem f’maratona ta’ 72 siegħa

Bħalissa fi ħdan l-organizzazzjoni Zgħażagħ Azzjoni Kattolika għaddejja maratona ta’ volontarjat bl-isem “72 Hours,” dan għax minn nhar il-Ħamis filgħaxija sa għada filgħaxija se jkunu saru 72 siegħa ta’ volontarjat miż-żgħażagħ.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Roderick Borg wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-maratona, li spjega kif l-għan ewlieni ta’ din il-maratona huwa biex aktar persuni jagħrfu s-sabiħ tal-volontarjat.

Borg qal li matul dawn l-erba’ t’ijiem, madwar 200 żagħżugħ u żagħżugħa bdew jaħdmu fuq proġetti ta’ manutenzjoni biex isebbħu ċ-ċentri ta’ laqgħat għaż-żagħżagħ. Spjega wkoll kif matul il-ġurnata grupp ta’ żgħażagħ qed jaħdem fuq id-Dar taz-ŻAK fejn qed isiru l-aħħar xogħlijiet qabel din tiftaħ biex tibda tintuża għal seminars.

Intant illum numru ta’ żgħażagħ se jkunu qed jieħdu sehem f’taħriġ ta’ tiftix u salvataġġ mill-Emergency Fire and Rescue Unit u ma’ gruppi ta’ scouts ġewwa l-Girgenti. Gruppi oħra ta’ żgħażagħ se jkunu qed jagħmlu volontarjat mal-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati u numru ieħor minn diversi lokalitajiet se jkunu qed isajru kejkijiet u affarijiet tal-ħelu biex jitqassmu lill-familji fil-bżonn.

Roderick Borg spjega li l-entużjażmu ta’ dawn iż-żgħażagħ hu wieħed kbir. Huwa qal li l-eta' medja hija ta’ bejn l-erbatax u s-sittax il-sena u għalhekk minkejja li dawn iż-żgħażagħ kienu mħabbta bl-istudju u l-eżamijiet xorta għamlu l-almu tagħhom. Spjega kif dawn is-72 siegħa huma frott ta’ ġimgħat sħaħ ta’ ppjanar miż-żgħażagħ stess.

Fl-aħħarnett Borg irringrazja lil dawn iż-żgħażagħ tax-xogħol tagħhom u filwaqt li stqarr li hu kburi bihom saħaq li t-tajjeb li jagħmlu żgħażagħ għandu jissemma' wkoll.

L-organizzazzjoni ŻAK tiġbor fiha madwar 700 membru. Minbarra l-gruppi f’14-il parroċċa, iż-ŻAK tinsab preżenti fuq il-livell nazzjonali permezz ta’ attivitajiet bħal Kamp Sajf u Leadership Training Seminars fost oħrajn.