Żgħażagħ jagħmlu xogħol volontarju fil-Możambik

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-grupp 'Amigos' tas-Segretarjat tal-Missjonijiet Agostinjani tella' grupp ta' seba' żgħażagħ fil-Mozambik fl-Afrika.

Il-grupp se jkun qed jagħmel diversi ħidmiet fil-lokal ta' Mapinhane, primarjament bini ta' palhotas (djar tal-qasab li jgħixu fihom in-nies),  kif ukoll żebgħa ta' diversi swali u klassijiet tal-iskola tas-sorijiet. 

Tul din l-esperjenza ż-żgħażagħ qed jgħinu lis-sorijiet fit-tqassim ta' ħalib tat-trab tat-trabi lil nisa li jgħixu weħidhom. Dawn in-nisa ġeneralment ikunu qed jivjaġġaw fit-tul bil-mixi u bit-tfal marbutin wara daharhom.

Għalhekk il-grupp ilestilhom ukoll x'jixorbu u x'jieklu biex jitrejqu meta jaslu għand is-sorijiet.

Peress li s-sorijiet Agostinjani jieħdu ħsieb l-iskola tal-lokal, il-grupp Malti qiegħed jgħin lill-istudenti tal-iskola fil-homework, jieħdu ħsieb xi tfal, kif ukoll jgħinu lis-sorijiet fil-bżonnijiet ta' kuljum.