Żgħażagħ iweġġgħu gravi f’ħabta bejn żewġ karozzi

Żewġ żgħażagħ weġġgħu gravi wara ħabta bejn żewġ karozzi f’Ħal Qormi.
Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ dal-lejl fi Triq l-Istabal, għall-ħabta ta’ nofsillejl.
Jidher li karozza misjuqa minn raġel ta’ 54 sena li joqgħod iż-Żurrieq ħabtet mal-karozza li kien hemm fiha ż-żgħażagħ.
Dil-karozza kienet misjuqa minn żagħżugħ ta’ 20 sena minn Ħ’Attard. Miegħu kien hemm żagħżugħ ta’ 25 sena joqgħod San Pawl, u żewġ nisa oħra; waħda ta’ 18 minn San Pawl ukoll u oħra ta’ 20 minn Tas-Sliema.
Il-persuni tat-tieni karozza ttieħdu kollha Mater Dei, u hemmhekk ġie ċċertifikat li l-passiġġiet ta’ 25 sena u ż-żagħżugħa ta’ 20 kienu qed isofru minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-oħra ta’ 18 ġrieħi ħfief.
Iż-żewġ sewwieqa ma ġralhom xejn.