Żgħażagħ insara f’Bangladesh jitimgħu Musulmani fi tmiem ir-Ramadan

Ikel imħejji minn żgħażagħ Kattoliċi għal foqra Musulmani

“L-insara urewna l-qalb kbira tagħhom. Inħossuna impressjonati bl-imħabba, il-kumpazzjoni u l-ospitalità li urew magħna. Ippreparawlna l-ikla “Iftar” li nagħmlu kif jintemm ir-Ramadan u dan saħħaħ l-armonija reliġjuża, it-tolleranza u għallimna nirrispettaw reliġjonijiet oħra”.

Hekk stqarr mal-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, Amir Hossain, Musulman li ħa sehem f’din l-ikla wara x-xahar tar-Ramadan, liema ikla kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni taż-Żgħażagħ Insara (YMCA) ta’ Dacca.,

L-ifqar Musulmani

Madwar 400 fost l-ifqar Musulmani ħadu sehem f’din l-inizjattiva. Fosthom kien hemm nies li jndaddfu d-drenaġġ, kenniesa, labourers u kategoriji oħra ta’ ħaddiema fl-inqas gradi. Hossain, labourer li kien mistieden għall-ikla qal li ra insara minn komunitajiet differenti jgħixu f’relazzjoni ta’ aħwa u jiċċelebraw vaganzi reliġjużi flimkien ma’ membri ta’ komunitajiet oħra.

Musulman ieħor, Moniruddin, ta’ 68 sena, ix-xogħol tiegħu hu li jnaddaf id-drenaġġ, fost l-aktar xogħolijiet mistemerra fil-pajjiż, stqarr ma’ FIDES li qatt ma mmaġina “li nisrani se jistedinni għall-ikla tal-Iftar. L-insara ħasbu fina li aħna l-imwarrbin tas-soċjetà. Dan ifisser li jirrispettawna”.

Inizjattiva eċċellenti

Skont Aldrick Biswas, ġurnalist u mexxejj taż-żgħażagħ Kattoliċi din kienet inizjattiva eċċellenti li ħa l-grupp tal-YMCA favur dawn il-Musulmani fqar. Il-Musulmani fehmu li l-insara jħobbuhom. Dan għandu jgħin biex tissaħħaħ l-armonija reliġjuża.

Il-President tal-YMCA ta’ Dacca qal li l-Bangladesh hu pajjiż fejn teżisti l-armonija reliġjuża. “Aħna organiżżajna din l-ikla biex nirringrazzja lil dawk li jieħdu ħsieb inaddfu l-pajjiż.  Ridna nuruhom li l-insara jimpurtaho minnhom. Din l-inizjattiva se tagħti messaġġ lin-nazzjon kollu ta’ tolleranza u armonija inter-reliġjuża”.