Żgħażagħ Għawdxin kontra l-posponiment tal-Kunsilli Lokali

Il-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin (KŻG) hi kontra l-proposta li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ma jsirux kif skedati u minflok isiru fis-sena 2019 flimkien mal-elezzjoni li jmiss tal-Parlament Ewropew.
Fi stqarrija, l-organizzazzjoni għaż-żgħażagħ Għawdxin qalet li dan il-posponiment ma jagħtix opportunità lil dawk iż-żgħażagħ li kienu mwiegħda l-vot meta jagħlqu 16-il sena jeżerċitaw dan id-dritt.
Sostnew ukoll li ż-żgħażagħ għandhom ikollhom id-dritt isemmgħu leħenhom.
Żiedu jgħidu li l-attiviżmu fost iż-żgħażagħ hu importanti għall-ġid tas-soċjetà u li l-posponiment tal-elezzjonijiet se jnaqqas l-importanza taż-żgħażagħ u jneħħilhom l-entużjażmu kollu.
Għaldaqstant, il-KŻG talbet lill-Gvern jerġa’ jikkunsidra l-posponiment tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.