Żgħażagħ Għawdxin iħejju proposti dwar l-ICT għall-Ministru

Il-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin (GYC) qal li se jwaqqaf grupp ta’ ħidma biex jiżviluppa qafas dwar l-industrija tal-informatika u t-teknoloġija f’Għawdex.

Fi stqarrija il-GYC qal li dan il-qafas se jiġi ppreżentat lill-Ministeru għal Għawdex. Il-grupp se jinkludi esperti mill-industrija u individwi interessati oħra.

Fl-4 ta’ Awwissu il-Kunsill organizza dibattitu dwar l-industrija tal-ICT f’Għawdex u l-futur tagħha.

Il-kelliema ewlenin għall-avveniment kienu Joseph Woods u Dr William Vella li enfasizzaw li l-industrija tal-ICT għandha l-potenzjal li tikber f’Għawdex, speċjalment peress li t-tieni fibre optic cable se ssir.