ŻfinMalta tippreżenta sitt korjografi emerġenti fi Spazju Kreattiv

Minn ŻfinMalta għal ŻfinMade: sitt talenti ġodda żvelati

Read in English.

Il-programm Artist in Residence ta’ ŻfinMalta qed jagħti l-frott, hekk kif sitta mir-residenti kurrenti u passati tiegħu ngħaqdu sabiex joħolqu ŻfinMade, inizjattiva b’kollaborzzjoni ma’ Spazju Kreattiv u Valletta Cultural Agency.

ŻfinMade hija l-qofol tal-isforz kontinwu tal-kumpanija sabiex televa l-prattika taż-żfin kontemporanju f’Malta, u sabiex verament tappoġġja artisti ġodda lokalment. Matul dawn l-aħħar xhur, ŻfinMalta pprovdiet l-ogħla forma ta’ riżorsi lil sitt korjografi, sabiex joħolqu xogħol artistiku ġdid u oriġinali, li issa ser jiġi muri matul jumejn f’Novembru.

Ix-xogħlijiet jittrattaw temi varji: mill-mod ta’ kif wieħed jinterpreta lilu nnifsu għall-kundizzjoni tal-immigranti li jaqsmu l-ibħra; mill-impatt tal-informatika fuq il-kommunitajiet tagħna għall-impatt tal-vulnerabilità fuq l-individwu, m’hemmx dubju illi s-sitt korjografiji ppreżentati waqt ŻfinMade ser jipprovokaw il-ħsibijiet u l-ħsus tal-udjenza.

Dan l-avveniment ser ikun qiegħed iseħħ ġewwa Spazju Kreattiv, iżda l-udjenza hija mistiedna wkoll sabiex tesperjenza dawn is-sitt żifniet virtwalment, permezz ta’ esperjenza virtwali li tagħmel parti minn strateġija kontinwa ta’ Spazju Kreattiv biex toħloq esperjenza diġitali ġdida.  Din ser tkun qed tinkludi wkoll kontenut esklussiv minn wara l-kwintiL-udjenza għalhekk ser tkun qed tingħata perspettiva intima tal-proċess li jwassal għall-wirja finali.

“L-għan tagħna huwa dejjem dak li naraw li x-xena taż-żfin kontemporanju f’Malta tkun waħda sostenibbli u rikka,” stqarr Paolo Mangiola, id-direttur artistiku ta’ ŻfinMalta. “ŻfinMade ser ikun wirja ta’ ħidmietna sabiex nelevaw u nappoġġjaw l-artisti l-ġodda.”

ŻfinMade ser jittella’ nhar is-26 u 27 ta’ Novembru, kif ukoll fit-28 u 29 ta’ Novembru, fit-8pm, ġewwa Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, jew virtwalment. Il-biljetti jistgħu jinxtraw fuq kreattivita.org.

Segwina fuq facebook (@zfinmalta) u Instagram (@zfinmalta), jew abbona għall-fuljett elettroniku għall-avvenimenti, produzzjonijiet, u podcasts kollha tagħna.

ŻfinMade, inizjattiva b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u Valletta Cultural Agency.

Ritratt: Neil Grech

Dan it-tagħrif twassal minn ŻfinMalta.