Żewġt irġiel mhux ħatja li serqu BMW 15-il sena ilu

Żewġt irġiel wieħed ta’ 34 sena u l-ieħor ta’ 45 sena, inħelsu minn kull akkuża wara li kienu akkużati li serqu BMW minn garaxx ta’ importatur 15-il sena ilu. Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-istqarrijiet tagħhom huma inammissibbli.

L-irġiel li kienu akkużati flimkien ma’ żewġ persuni oħra bi involviment sabiex tinsteraq din il-karozza li nbiegħet bi prezz ħafna iktar baxx milli verament tiswa.

Ir-raġel li għandu 34 sena kien akkużat li flimkien ma’ raġel ieħor serqu l-karozza u biegħuha lir-raġel ta’ 45 sena għall-prezz ta’ €466.  Min-naħa tiegħu ir-raġel ta’ 45 sena biegħha lil persuna oħra għal €1,631. Il-pulizija kienu sabu l-karozza ipparkjata ħdejn id-dar tal-aħħar xerrej.

Wara li ġew mitkellma l-erba’ suspettati, il-pulizija ma kellhiex dubju li kollha kienu jafu li l-karozza nsterqet mill-garaxx tal-importatur.

Wara li komplew il-proċeduri fil-Qorti, fl-2014, il-Qorti ikkundannat lir-raġel ta’ 34 sena, sentejn u nofs ħabs effettivi filwaqt li r-raġel ta’ 45 sena kkundannatu għal 18-il xahar ħabs sospiżi bi tliet snin. Iż-żewġ persuni appellaw mis-sentenza mgħottija lilhom.

Fil-Qorti Kriminali tal-Appell, l-Imħallef Edwina Grima innotat li fl-istqarrijiet tagħhom, l-irġiel ammettew l-involviment tagħhom fil-każ madankollu ma kienx hemm xhieda, marki ta’ swaba’, filmati ta’ kameras tas-sigurtà, telefonati jew testijiet tad-DNA. L-Imħallef innotat ukoll li ż-żewġt irġiel l-oħra ma kinux intalbu jixhdu.

L-Imħallef spjegat li f’każ li tressaq quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, kien ġie deċiż li jekk persuna ma jkollix aċċess għall-parir legali jkun qed jinkiser dritt fundamentali tal-persuna. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Imħallef qalet li l-ammissjonijiet kienu saru qabel l-2010 fejn il-liġi f’Malta kienet differenti u l-akkużat ma kellux dritt għall-parir legali. Għalhekk l-akkużat ikun fi ‘żvantaġġ’ u l-istqarrija tiegħu tista’ tintuża kontrih.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Imħallef iddeċidiet li tillibera liż-żewġ persuni minn kull akkuża.