Żewġt irġiel maħtufa fil-Libja jinħelsu u jinġiebu Malta

Ċittadin Awstrijak u ċittadin Serb li kienu ilhom miżmuma fil-Libja minn Marzu li għadda‎ inħelsu fis-sigħat li għaddew u jinsabu Malta.
Il-Gvern Malti qal fi stqarrija li l-ħelsien ta’ dawn iż-żewġ persuni sar b’ħidma bejn l-awtoritajiet u s-servizzi tas-sigurtà ta’ Malta, tal-Libja, tal-Awstrija u s-Serbja.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat informa lil Kancillier Awstrijak, Werner Faymann, u lill-Prim Ministru Serb, Aleksandar Vučić, b’dan l-iżvilupp.
Il-Gvern Malti qal li s-sitwazzjoni kienet ġiet diskussa bejn il-Prim Ministru Malti u dak Serb‎ waqt laqgħa li kellhom nhar is-Sibt f'Belgrad.