Żewġt irġiel jinqabdu jisirqu fil-fatt

Żewġt irġiel kienu arrestati dalgħodu ftit wara li daħlu ġo residenza bil-ħsieb li jisirqu. Il-każ seħħ fi Triq il-Mitħna, Żebbuġ.

L-irġiel inqabdu fil-fatt mill-Pulizija ta’ Ħal Qormi wara li kienu nfurmati li żewġ persuni kienu fil-proċess li jisgassaw bieb.

Hekk kif irċevew ir-rapport, is-surġent tal-għassa u kuntistabbli telqu għal fuq il-post, fejn, pero, ma nnuttaw xejn suspettuż. Minkejja dan, iż-żewġ uffiċjali tal-pulizija ma bdew jiflu l-bieb sakemm waslu għal wieħed li kellu marki suspettużi viċin is-sellatura.

Għalkemm is-surġent ma ra lil ħadd ġewwa meta ttawwal mill-letter box tad-dar, fetaħ il-bieb bil-forza. Hekk kif l-uffiċjali tal-pulizija daħlu ġewwa sabu l-irġiel, wieħed minnhom b’turnavit twil fil-but.

L-irġiel, li għandhom 44 u 34 sena u joqgħodu Ħaż-Żebbuġ, kienu arrestati għal aktar stħarriġ.

Għalkemm il-kamra tas-sodda tad-dar instabgħet maqluba, jidher li ma nsteraq xejn.

Id-dar tgħix fiha anzjana ta’ 76 sena li dak il ħin kienet qed tisma’ l-quddies.