Żewġt irġiel iweġġgħu gravi fuq il-post tax-xogħol

Żewġt irġiel illum jistgħu jgħodduha b’waħda hekk kif kienu invuluti f’żewġ inċidenti separati fuq il-post tax-xogħol u ħelsuha mill-periklu tal-mewt.

L-ewwel inċident sar għal ħabta tat-tlieta u nofs meta raġel ta’ 35 sena miż-Żejtun waqa’ fuqu pellet mimli xogħol.  L-inċident ġara fi Triq Valletta f’Ħal Luqa.

Siegħa wara, jiġifieri fl-erbgħa u nofs fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann, ħaddiem ta’ 49 sena minn Ħ’Attard waqa’ minn fuq sellum.

Iż-żewġt irġiel ittieħdu Mater Dei b’ambulanza u hemmhekk ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi imma mhux fil-periklu li jitilfu ħajjithom.

Il-pulizija qed jinvestigaw il-każi.