Żewġt irġiel arrestati wara li ppruvaw jisirqu anzjana fil-Qawra

Puliziija
Miguela Xuereb

Read in English.

Żewġt irġiel wieħed ta’ 31 sena residenti r-Rabat u l-ieħor ta’ 35 sena residenti l-Marsa, ġew arrestati wara li allegatament ilbieraħ pruvaw jisirqu anzjana ta’ 84 sena.

Fi stqarrija l-pulizija qalu li huma ġew infurmati bil-każ ilbieraħ għall-ħabta tas-1pm fi Triq Dawret il-Gżejjer, il-Qawra. Żiedu li skont investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żewġt irġiel kienu f’karozza li waqfet ħdejn l-anzjana.

Minnha niżel ir-raġel ta’ 35 sena u attakka lil mara. Iżda huwa nżamm minn xi nies li raw x’ġara, sakemm waslu l-Pulizija u ġie arrestat. Ir-raġel ta’ 31 sena allegatament ħarab minn fuq il-post iżda huwa ġie identifikat ftit wara u ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija fir-Rabat.

Iż-żewġ persuni għadhom qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-pulizija fil-Furjana. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u huma mmexxija mill Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.