Żewġt irġiel ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ż-żewġt irġiel tressqu l-Qorti lbieraħ quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.
L-irġiel, wieħed ta’ 30 sena mill-Imqabba u l-ieħor ta’ 63 sena minn Ħal Kirkop, ġew akkużati li waqt li kienu fl-Imqabba fil-1 t’Awwissu żammew f’xi fond jew kellhom fil-pussess tagħhom arma tan-nar mingħajr liċenzja.
Huma ġew akkużati b’assoċċjazzjoni bil-għan li jagħmlu delitt f’Malta li għalih hemm il-piena ta’ priġunerija.
L-akkużat ta’ 30 sena wieġeb ħati. Hu ġie kkundannat disa’ xhur priġunerija sospiżi għal tmintax-il xhar u tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal żmien sena. L-akkużat ta’ 63 sena wieġeb ukoll ħati. Ġie ikkundannat iħallas multa ta’ €800.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Melvyn Camilleri.