Żewgt irġiel arrestati fuq drogi wara rejds f’Ħal Qormi u Tas-Sliema

Droga rejd Pulizija

Żewġt irġiel ġew arrestati f’rejds separati f’Tas-Sliema u f’Ħal Qormi lbieraħ filgħaxija mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ kontra d-Droga.

Wara jiem ta’ osservazzjoni fuq raġel ta’ 31 sena mis-Serbja, il-pulizija daħlu fir-residenza tiegħu f’Tas-Sliema fejn sabu mal-1.7kg ħaxixa tal-kannabis, ammont ta’ droga kokaina u MDMA, f’ċirkostanzi li juru li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Instab ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, kif ukoll boroż tal-plastik vojta li jintużaw għat-traffikar tad-droga.

Il-valur fit-triq tad-droga misjuba tlaħħaq madwar €40,000.

Aktar tard matul l-istess lejl, il-pulizija arrestaw raġel ta’ 25 sena li joqgħod il-Furjana. Huwa twaqqaf bil-vettura tiegħu f’Ħal Qormi u wara tfittxija li saret fuqu, instabu 59 pakketti żgħar b’sustanzi aktarx droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Dwar dawn il-każijiet infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja, biż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti b’arrest għada.