Żewġt irġiel armati jisirqu banka tal-lottu

Żewġt irġiel mgħammda u armati daħlu jisirqu banka tal-lottu u ħarbu minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.
Is-serqa seħħet illum għall-ħabta ta’ nofsinhar fi Triq Raħal Ġdid, Ħal Tarxien.
Fil-ħin tas-serqa, fil-banka tal-lottu kien hemm impjegata ta’ 50 sena min-Naxxar u anzjana ta’ 67 sena minn Ħal Tarxien.
Il-ħallelin irnexxilhom jaħarbu minn fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.