Żewġt irġiel jinżammu arrestati wara li serqu u weġġgħu anzjan

Żewġ persuni qegħdin jinżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħajta li serqu raġel anzjan fl-Ewwel tas-Sena. Iż-żewġt irġiel li għandhom 42 u 33 sena, huma residenti l-Marsa u l-Birgu rispettivament.

Flimkien ġew akkużati b’serq bi vjolenza fuq anzjan, għall-ħabta tal-5am, fi Triq is-Salib il-Marsa.

Ir-raġel ta’ 42 sena ġie akkużat separatament li weġġa’ ħafif lir-raġel, li żammu kontra r-rieda tiegħu u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Min-naħa l-oħra r-raġel ta’ 33 sena ġie akkużat separatament li kien qiegħed isuq mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni tal-karozza. It-tnejn li huma kienu akkużati li huma reċedivi.

L-avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech li qiegħed jiddefendi lir-raġel ta’ 33 sena għamel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu bl-argument li l-aħħar każ li kellu kien fl-2017 u f’dan il-każ kulma nsteraq kien mowbajl għalkemm allegatament bi vjolenza.

Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Lydon Zammit oġġezzjona t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq l-argument li l-vittma mar jagħmel mixja kmieni filgħodu, fejn spiċċa attakkat u beda s-sena l-ġdida fuq nota ħażina. Aktar minn hekk il-vittma li jgħix il-Marsa għadu jrid jixhed f’dan il-każ.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri, il-gravità tal-każ kif ukoll għall-fatt li l-vittma għadu jrid jixhed.