Żewġt iħwienet tal-ikel fil-Marsa jingħalqu minħabba l-iġene

Fuq barra tal-ħanut il-Pulizija sabet raġel qed isajjar b’nuqqas kbir ta’ iġjene

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Read in English.

Fi spezzjoni li għamlu l-Pulizija ordnaw li jingħalqu żewġt iħwienet li kienu qed joperaw l-istabbilimenti tagħhom kontra r-regolamenti tas-saħħa pubblika.

Fi stqarrija, l-Pulizija qalu li l-ispezzjonijiet saru f’Xatt il-Mollijiet, fil-Marsa flimkien ma’ uffiċjali tad-Dipartament tas-Saħħa Pubblika.

F’wieħed mill-ħwienet, irriżulta li sid il-ħanut ma kellux l-liċenzja neċessarja biex joperah bħala post li jbiegħ l-ikel. Persuna oħra li kienet qiegħda taħdem fl-imsemmi stabbiliment ma kelliex liċenzja valida biex taħdem u għaldaqstant se jinħarġu l-akkużi fil-konfront tagħha.

Il-freeżers ġew issiġġilati mill-uffiċjali tad-Dipartament tas-Saħħa Pubblika minħabba li kellhom temperatura ħażina fil-freezers fejn jinżamm l-ikel.

Sid il-ħanut ġie ordnat mill-Pulizija biex immedjatament jagħlaq il-ħanut u ġie infurmat li se jinħargu akkużi fil-konfront tiegħu fil-Qorti.

Isajjar barra b’nuqqas kbir ta’ iġene

Għalkemm kellu l-liċenzji neċessarji, fil-ħanut l-ieħor ġie nnutaw nuqqas ta’ iġjene, bil-Pulizija tordna l-għeluq tal-ħanut. Il-persuna li tieħu ħsieb il-ħanut ġie infurmat li se jinħarġu l-akkuzi relatati fil-konfront tiegħu.

Fuq barra tal-ħanut il-Pulizija sabet raġel qed isajjar b’nuqqas kbir ta’ iġjene, bl-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika jinfurmawh li ser jinħargu wkoll akkuzi kontrih. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, il-Pulizija vverifikaw d-dokumenti li kellhom fuqhom numru ta’ persuni li kienu fuq barra tal-istabbilimenti.

Intqal li s-sidien ikkoperaw mal-Pulizija. Il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta kienu assisstiti mal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni.