Żewġt aħwa jikkonsagraw ħajjithom wara li ħelsu mill-vjolenza kontra l-insara

Insara fl-Indja jfakkru l-10 anniversarju ta' massakru mill-Hindu

Fis-27 tax-xahar li għadda, Fr. Anand Pradhan kien ordnat saċerdot fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri filwaqt li oħtu Anjali, ħadet l-aħħar voti bħala soru fil-kongregazzjoni ta’ Sant’ Anna ta’ Luzern.

L-Aġenzija ‘Asian News’ irrappurtat li wara ċ-ċerimonja fil-Knisja, sar riċeviment li għalih attendew aktar minn 1,500 persuna fosthom qassisin u sorijiet kif ukoll seba’ familji nsara u 80 Hindu, li skont it-tradizzjoni reliġjuża tagħhom ippreżentaw frott u rigali oħra liż-żewġt aħwa.

Is-sena li għaddiet l-insara fl-istat ta’ Odisha fl-Indja, fakkru l-10 anniversarju tal-massakru li kienu wettqu fuqhom estremisti Hindu. F’dan l-anniversarju, iż-żewġt aħwa li rnexxielhom jeħilsu mill-massakru u l-persekuzzjoni, ikkonsagraw ħajjithom lill-Mulej wieħed bħala Patri u l-oħra bħala Soru.

Għaxar snin ilu l-membri tal-familja Pradhan kellhom jaħarbu biex isalvaw ħajjithom mill-qilla tal-ġellieda Hindu li kien farrku d-dar tagħhom. Huma għandhom oħthom oħra li wkoll hi soru tal-Kongregazzoni tas-Sorijiet tal-Karita ta’ San V incenz de Paul.

L-‘Asian News’ fakkret li kien fil-25 ta’ Awwissu tal-2008 meta estremisti Hindu attakkaw lill-insara f’Kandhamal, jumejn biss wara li kien inqatel il-mexxej Hindu, Swami Lakshmanananda Saaswati. Minkejja li l-Maoisti kienu ħadu responsabbiltà għal dan il-qtil, l-Hinduisti kien waħħlu fl-insara.

Waqt iċ-ċerimonja tal-Ordinazzjoni Saċerdotali, Fr. Anand talab għar-rikonċiljazzjoni.  Hu qal li “Aħna lkoll ċittadini tal-istess pajjiż, l-istess Stat, l-istess familja. Alla ħalaqna fuq ix-xbieha tiegħu biex ngħixu fl-għaqda, il-paċi u l-prosperità. Ir-rikonċiljazzjoni hi virtù kbira tal-fidi kattolika”.

Fr Anand kien daħal fis-Seminarju tal-Kapuċċini fl-2006, ħa l-aħħar voti fl-2017 u qaddes is-sena li għaddiet.  Sr Anjali ngħaqdet mas-Soċjetà ta’ Sant’ Anna ta’ Luzen fl-2010 u wara li lestiet in-nivizzjat għamlet l-ewwel professjoni tagħha fl-2016 u ħmistax il-ġurnata ilu għamlet il- voti finali fl-istess Kongregazzjoni.