Żewġ żgħażagħ jispiċċaw il-ħabs wara li għajru lill-Prinċep Harry traditur

Żewġ żgħażagħ Pollakki li jgħixu fl-Ingilterra spiċċaw fil-ħabs wara ritratt li ħolqu fuq il-mezzi soċjali dwar il-Prinċep Harry. Fil-kummenti tagħhom fuq l-istess ritratt huma ddeskrivew lill-Prinċep Harry bħala traditur lejn ir-razza tiegħu wara li kien iżżewweġ lill-attriċi Meghan Markle li eventwalment imbagħad saret id-Dukessa ta’ Sussex.

Michal Szewczuk ta’ 19-il sena minn Leeds, ħoloq stampa li turi lill-Prinċep b’pistola ma’ rasu u b’demm imtajjar fl-isfond tiegħu. Kien hemm ukoll inkluża l-frażi “See Ya Later Race Traitor”.

Szewczuk ammetta l-ħtija li kien qed jinkoraġġixxi t-terroriżmu, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu materjal relatat mat-terroriżmu.

Il-Qorti Kriminali ta’ Londra kkundannatu għal erba’ snin u tliet xhur ħabs flimkien ma’ Oskar Dunn-Koczorowski, ta’ 18-il sena minn Londra, li ammetta wkoll l-akkuża li b’dan l-aġir kien qed jinkoraġġixxi t-terroriżmu.

L-Imħallef Rebecca Poulet qalet li dan il-materjali li tefgħu online kien tal-mistħija, kif ukoll kriminali minħabba li kien juri l-intenzjoni ċara li jinkoraġġixxi atti terroristiċi.

Iż-żewġ żgħażagħ Pollakki huma membri tas-Sonnenkrieg Division, verżjoni Ingliża tal-Atomwaffen Division, grupp neo-Nazista Amerikan. Kien il-BBC li kixef l-attivitajiet ta’ dan il-grupp. F’Diċembru huma ġew arrestati mill-pulizija kontra t-terroriżmu.

Is-Supritendent Martin Snowden li jmexxi d-diviżjoni kontra t-terroriżmu ddeskriva liż-żgħażagħ bħala tnejn li jħossuhom superjuri lejn il-maġġoranza tas-soċjetà, u li dawn iħossu li huwa d-dmir tagħhom li jesprimu t-twemmin tagħhom u li jridu jinfluwenzaw lil ħaddieħor.

Ġie nnutat li l-ammont konsiderevoli ta’ materjal li tefgħu fuq il-midja soċjali mhux biss kien jirrifletti t-twemmin estremist tagħhom, iżda kienet l-intenzjoni tagħhom li jinkoraġġixxu lil ħaddieħor biex iwettaq azzjonijiet ta’ mibegħda.