​Żewġ żgħażagħ jibdew il-mixja tagħhom fis-Seminarju ta’ Għawdex

Żewġ żgħażagħ din is-sena bdew il-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù f’Għawdex.
Fi stqarrija, il-Kurja ta’ Għawdex spjegat kif flimkien ma’ dawn iż-żewġ żgħażagħ ġodda, hemm ukoll ħames żgħażagh li qegħdin fil-fażi Propedewtika.
Il-Kurja iddeskriviet din il-fażi bħala waħda ta’ formazzjoni li fiha ż-żgħażagħ, wara li jkunu temmew l-istudji postsekondarji jingħataw l-għajnuna biex jirriflettu u jiddixxernu aħjar dwar is-sejħa vokazzjonali tagħhom qabel ma jiġu milqugħin biex jidħlu fis-Seminarju Maġġuri.
Ġie mħabbar ukoll li wieħed mill-propedewtiċi hu mill-Vigarjat Appostoliku ta’ Izabal fil-Gwatemala, il-post fejn hemm il-missjunarju Għawdxi Dun Anton Grech u fejn il-komunità tas-Seminarju Maġġuri wettqet ħidma missjunarja matul is-sajf li għadda.
Carlos Fernando Vargas Tobar għandu 22 sena u jiġi mill-Parroċċa ta’ Puerto Barrios. Huwa se jkun residenti fid-Dar Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita f’Ta’ Sannat. Hu se jieħu sehem ukoll fil-ħajja pastorali ta’ dik il-komunità.
Il-Kurja stqarret li fuq talba tal-Isqof ta’ Izabal, il-Knisja f’Għawdex se toffri l-formazzjoni u tgħin lil dan iż-żagħżugħ fil-mixja tiegħu għas-saċerdozju. Dan qiegħed isir f’kontinwazzjoni mas-sejħa tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-150 anniversarju mill-ftuħ tas-Seminarju ta’ Għawdex, biex dan ikun “Seminarju missjunarju”.
Il-Kurja żiedet tgħid li d-Direttur ġdid tal-Propedewtika fid-Djoċesi ta’ Għawdex huwa Dun Anthony Bajada.
Il-Kurja ta’ Għawdex temmet tgħid li tħeġġeġ lin-nies biex jitolbu għal dawn iż-żgħażagħ u għal aktar vokazzjonijiet, filwaqt li jkomplu jwieżnu lis-Seminarju fil-ħidma tiegħu għall-Knisja.